Lokali

Il-President b’appell għal azzjoni konkreta favur il-paċi

Huwa inutli li noqgħodu niċċelebraw il-mit u l-erojiżmu tal-konvoj ta’ Santa Marija jekk it-tqalliegħ quddiem l-atroċitajiet li qed isofru n-nies f’Gaza mhux qed iwassal għal azzjoni konkreta.

Sostniet dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt avveniment fejn tfakkar it-83 anniversarju ta’ Operation Pedestal, meta l-konvoj Brittaniku wasal Malta – mument kruċjali fl-istorja moderna ta’ pajjiżna fejn wassal biex Malta tinħeles rebbieħa mit-Tieni Gwerra Dinjija.

F’indirizz li għamlet f’Pinto Wharf, il-President għażlet li tgħaqqad dan il-mument storiku, mad-dinja preżenti hekk kif in-nies f’Gaza qed jesperjenzaw kriżi umanitarja. Hi saħqet li l-kuraġġ li l-Maltin urew fl-Erbgħinjiet għandu jevolvi tul iż-żminijiet f’obbligu li nitkellmu favur il-vittmi Palestinjani li jinsabu maqbudin fil-gwerra.

Myriam Spiteri Debono spjegat li għalxejn sena wara oħra noqgħodu nfakkru x’seħħ fil-passat u kif inħelsu n-nisa u l-irġiel mit-taqbid u minn ħalq il-mewt.

Hija rreferiet għal gwerra fil-Lvant Nofsani bħala massakru kontinwu tal-istandards umanitarji.

Il-President spjegat li inutli li noqgħodu nirrepetu l-mantra li l-Palestina tingħaraf bħala Stat ladarba ma titteħidx azzjoni.

Hija sostniet li aktar ma tippersisti din is-sitwazzjoni, aktar jinħoloq sentiment ta’ mibgħeda bejn iż-żewġ popli…b’konsegwenzi orribbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.