Lokali Qorti

Jirriżenja l-Maġistrat Ian Farrugia li se jħalli Malta għal Liverpool

Il-Maġistrat Ian Farrugia (lemin), rriżenja mill-Bank tal-Ġudikatura għal raġunijiet personali b’effett minn nhar it-Tnejn 11ta’ Awwissu. Huwa se jħalli Malta flimkien mal-familja tiegħu biex jikkonferma kapitlu ġdid f’ħajtu. Huwa se jmur jgħix Liverpool, il-belt Ingliża li minnha ġejja martu.

Din id-deċiżjoni timmarka tmiem ta’ karriera ġudizzjarja stupenda li matulha mexxa diversi inkjesti sensittivi u ta’ profil għoli. Wara li pprattika għal 17-il sena bħala avukat fil-kamp kriminali huwa kien inħatar Maġistrat fl-2012.

Il-Maġistrat Farrugia kien magħruf dejjem għar-rispett li kellu lejn dak kollu li kellu x’jaqsam mal-ġudikatura, li jinkludu lill-ġudikanti sħabu, l-avukatura, l-ħaddiema tal-Qorti u l-membri tal-istampa li dejjem wera rispett lejhom.

L-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika ħabbar li b’effett mill-11 ta’ Awwissu, il-President Myriam Spiteri Debono, aċċettat ir-riżenja tal-Maġistrat Farrugia. Dan skont it-termini ta’ Kapitlu 564 tal-Liġijiet ta’ Malta. L-Uffiċċju żied li I-Maġistrat Farrugia rriżenja għal raġunijiet personali. Il-President Spiteri Debono irringrazzjatu għas-servizz li ta matul it-terminu tiegħu bħala maġistrat.

Il-Maġistrat Farrugia se jkun qed iħalli Malta lejn l-Ingilterra flimkien ma’ martu u t-tliet uliedu u li kollox jindika li mhux se jibqa’ fil-professjoni tiegħu fejn tidħol il-professjoni legali. Nhar il-Ġimgħa, huwa sellem lill-ħaddiema li ħadmu miegħu fil-Qrati u ħafna oħrajn li taw u għadhom jagħtu servizz siewi lill-ġudikatura Maltija.

Fil-karriera tiegħu huwa mexxa diversi nkjesti ta’ profil għoli f’dawn l-aħħar snin. Fost dawn, il-Maġistrat Farrugia mexxa l-inkjesta estensiva u kontroversjali dwar il-Bank Pilatus, li kienet temmet fl-2020 bi spiża stmata ta’ €7.5 miljun.

L-istess inkjesta kienet irrakkomandat passi kriminali kontra diversi uffiċjali tal-bank u wasslet biex il-Maġistrat iffirma mandat ta’ arrest internazzjonali kontra ċ-chairman tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad. Minkejja dan, il-konklużjonijiet tal-inkjesta qatt ma ġew ippubblikati, u dan żied id-diskussjoni pubblika madwar trasparenza u accountability f’din il-każistika.

Farrugia kien ukoll responsabbli mill-inkjesta dwar il-kuntratt tal-impjant tal-wind farms fil-Montenegro – każ ieħor li qajjem furur kbir minħabba l-konnessjonijiet tiegħu mal-kumpanija sigrieta offshore 17 Black, proprjetà ta’ Yorgen Fenech. Kien żvelat li permezz ta’ dan il-proġett, €4.6 miljun spiċċaw fil-kontijiet tal-kumpanija f’ċirkostanzi li għalihom għad hemm domanda ta’ spjegazzjoni.

Ix-xogħol tiegħu kien jinvolvi wkoll każijiet bħall-proċess dwar sfruttament tax-xogħol fil-kumpanija Leisure Clothing, kif ukoll id-deċiżjoni li sabet lill-eks Kap tal-Awtorità tal-Logħob (MGA), Heathcliff Farrugia, ħati li għadda informazzjoni lill-imprenditur Yorgen Fenech. Matul il-karriera tiegħu, Farrugia kien spiss jesprimi diżappunt għall-infurzar laxk tal-liġijiet dwar il-problema tal-istorbju f’Malta.