Internazzjonali

Kriżi f’Gaza: jitolbu azzjoni kontra l-ġuħ li dejjem qed jiżdied

Il-belt ta’ Gaza ġiet milquta minn attakk intensiv mill-ajru, hekk kif il-forzi Iżraeljani qed iħejju biex jibdew operazzjoni sabiex jieħdu l-kontroll totali – kif kien ħabbar Netanyahu.

Dan kollu seħħ wara li ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea, l-Awstralja, il-Kanada u l-Ġappun ħarġu stqarrija fejn irrikonoxxew li l-ġuħ f’Gaza dejjem qed jiżdied, filwaqt li ħeġġew għal azzjoni biex il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ ikel tiġi solvuta.

Huma talbu għal passi immedjati, permanenti u konkreti biex jiffaċilitaw id-dħul tal-għajnuna umanitarja f’Gaza.

Iżrael għadu qed jiċħad li hemm ġuħ f’Gaza, filwaqt li qed jakkuża lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti li mhumiex qegħdin jiġbru u jqassmu l-għajnuniet.

L-istqarrija konġunta talbet ukoll għal tmiem għall-użu ta’ forza letali ħdejn siti tad-distribuzzjoni tal-għajnuna u konvojs ta’ trakkijiet, fejn in-Nazzjonijiet Uniti qed jgħidu li aktar minn 1,300 Palestinjan inqatlu, bil-maġġoranza jinqatlu mill-armata Iżraeljana.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa appellat ukoll lil Iżrael biex iħalluhom jaħżnu provvisti mediċi ħalli tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ saħħa katastrofika qabel ma jieħdu l-kontroll ta’ Gaza.

Dan il-kontroll totali diġa’ ġie kkundannat waqt laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa immexxi mill-Hamas f’Gaza qal li 100 persuna mejta ttieħdu fl-isptarijiet madwar Gaza fl-aħħar 24 siegħa, inkluż 31 persuna li nqatlu f’siti fejn qed titqassam l-għajnuna. Ħames persuni oħra mietu wkoll minħabba nuqqas ta’ ikel.

Iżrael qed jiffaċċja kritika dejjem tikber dwar din il-gwerra … b’esperti appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti jwissu dwar ġuħ mifrux li qed jiżviluppa fit-territorju kollu tal-Medda ta’ Gaza.