Lokali

Maria tiżżewweġ waqt li qiegħda tingħata l-kura fi sptar fi Sqallija

Maltija żżewġet bil-knisja fi sptar f’Palermo fejn din iż-żagħżugħa tinsab rikoverata fid-Dipartiment tal-Kura Intensiva hekk kif qed tħabbat wiċċha ma’ infezzjoni tal-muskolu tal-qalb.

Fil-kamra preżenti dak li issa huwa żewġha flimkien mal-qassis – b’Maria tindika l-“iva” billi sempliċiment għolliet ‘il fuq subgħajha – l-unika mezz kif preżentament tista’ tesprimi ruħha.

Rapporti fil-midja Taljana spjegaw li ż-żwieġ kien wieħed ċar u kunsenswali hekk kif preżentament xorta waħda ż-żagħżugħa qed tissielet għal ħajjitha. Iżda intqal kif mingħajr ebda dubju hija riedet tiżżewweġ bi żwieġ reliġjuż hekk kif  il-koppja kienet diġà miżżewġa b’mod ċivili.

Ġie spjegat kif il-koppja xtaqu jiżżewġu fi knisja – madanakollu kien il-qassis innifsu li gwidahom biex jingħaqdu fi żwieġ fis-sala tal-isptar sabiex ma jitilfux żmien.