Internazzjonali

Membri tal-Gwardja Nazzjonali stazzjonati f’Washington

It-truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Istati Uniti ġew stazzjonati madwar it-toroq ta’ Washington DC … jum wara li l-President Donald Trump ordna li jiġu stazzjonati fil-belt, filwaqt li ħa l-kontroll tal-forza tal-pulizija tagħha, minħaba li sostna li l-kriminalità vjolenti kienet barra minn kontroll.

Uffiċjali qalu li 800 suldat mistennija jitqiegħdu fil-belt flimkien ma’ 500 aġent federali tal-infurzar tal-liġi.

Is-Sindku ta’ Washington DC, Muriel Bowser, ċaħdet li l-kriminalità fil-belt kienet barra mill-kontroll, filwaqt li ddeskriviet it-tqegħid tat-truppi bħala sforz awtoritarju.

Skont ċifri ppubblikati mill-Pulizija Metropolitana ta’ Washington DC, il-kriminalità vjolenti naqset wara li laħqet il-quċċata tagħha fl-2023, u fl-2024 niżlet għall-inqas livell fi 30 sena. U skont data preliminari għall-2025, hija qed tkompli tonqos.

Tlieta u għoxrin persuna ġew arrestati minn aġenti federali nhar it-Tnejn filgħaxija, skont is-segretarja tal-istampa tal-White House, Karoline Leavitt … li qalet li dawn l-arresti kienu relatati ma’ omiċidju, reati bil-armi tan-nar, traffikar ta’ droga, atti indeċenti, stalking, sewqan perikoluż u reati oħra.

Iżda f’laqgħa pubblika nhar it-Tlieta filgħaxija, is-Sindku ntensifikat il-kritika tagħha lejn Trump.

Għalkemm iċ-ċifri tal-kriminalità juru tnaqqis fir-reati vjolenti, il-president tal-union tal-Pulizija ta’ Washington DC, Gregg Pemberton, qal li l-korp tal-pulizija tal-belt “qiegħed intenzjonalment jimmanipula d-dejta tal-kriminalità, u joħloq narrattiva falza ta’ tnaqqis fil-kriminalità filwaqt li l-komunitajiet qed ibatu”.