Raġel ta’ 30 sena minn Marsa tressaq il-Qorti l-Erbgħa akkużat li hedded, insulenta u seraq lill-partner tiegħu fir-residenza tagħha fiż-Żurrieq, kif ukoll li għamel theddid permezz ta’ mezzi elettronici. Skont l-akkużi, l-allegata vittma marret għand il-Pulizija u rrappurtat li kienet qed tirċievi theddid u tgħajjir permezz ta’ messaġġi minn dan ir-raġel.
Allegatament bagħtilha messaġġ waqt li kienet fuq ix-xogħol, jgħidilha: “Se niġi hemm u nagħmillek il-ħsara.” Barra minn hekk, hija akkużatu wkoll li seraqilha €350. Il-vittma għaddiet minn stima tar-riskju, fejn qalet lill-Pulizija li l-akkużat għandu problema tad-droga. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, semgħet talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukat tad-difiża Ezekiel Psaila. Madankollu, l-Ispettur Omar Zammit, flimkien mal-Avukat Brandon Bonnici, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw, billi l-vittma għadha ma xehditx u hemm riskju reali li jerġa’ jikkommetti reat minħabba l-problemi tad-droga li qed jiffaċċja.
L-avukat tad-difiża sostna li l-Qorti għandha ssib bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u dawk tal-akkużat. Huwa insista li dan kien l-ewwel każ li qatt ġie mressaq quddiemu u li ma għandux jitpoġġa l-ħabs, speċjalment jekk għandu problemi li għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar xieraq.
L-avukat spjega wkoll li l-akkużat se jibda xogħol stabbli dalwaqt u li missieru offra li jkun garanzija terza u li ibnu joqgħod miegħu u ma’ ommu. Madankollu, minkejja dawn l-argumenti, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel inżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>