Opinjoni

OPINJONI: Il-fatti qabel il-frodi

Għal €15,000 rriżenjat il-Ministru Caruana u s-Segretarju Permanenti, u sewwa. Għal €300,000 ma ġara xejn. Għal 2.3 miljun ewro lanqas

minn Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

L-allegat serqa ta’ 2.3 miljun ewro mill-Kulleġġ tal-MCAST, it-tieni l-akbar istituzzjoni edukattiva, riegħdet pajjiż. Nibda billi mill-ewwel, niddikjara li bl-ebda mod, f’din il-kitba tiegħi, ma qiegħed niġġustifika dan il-frodi jew niddefendih, imma rrid inkun ġust mal-avvenimenti li ppermettew biex dan seta’ seħħ.

Huwa ironiku kif il-midja tal-ONE sabet kull okkażjoni biex tattakka lill-PN bi skandlu politiku. Li l-impjegata tal-MCAST, Francine Farrugia li allegatament iffrodat lill-MCAST kienet Kunsilliera Lokali tal-PN ma jvinċi ebda argument li bih jista’ jkun attakkat il-PN, hekk daqslikieku kien il-PN stess li ffroda l-miljuni!

Aktar ’il fuq semmejt skandlu politiku, u dan hekk hu, imma mhux għax Farrugia kellha kariga minuri ħafna ma’ Partit politiku, imma għaliex dan kollu jikxef l-inkompetenza assoluta tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tas-Segretarju Permanenti Matthew Vella.

Irrid infakkar, li Farrugia kienet Kunsilliera lokali, u mhux membru tal-Eżekuttiv, jiġifieri parti mill-Kabinett tal-Gvern. Hi aġixxiet fil-kapaċità personali tagħha u mhux xorta oħra. L-iskandli politiċi tad-‘deals’ frawdalenti jippuntaw biss u dejjem lejn il-Partit Laburista li fi ħdanu kellu politiċi korrotti, bil-provi tant li tressqu quddiem il-qrati u kulħadd jaf min huma, u li spiċċaw inqabdu jisirqu 400 miljun ewro mill-isptarijiet, fost oħrajn.

Mela, hawnhekk irrid nikteb għaliex dan kollu, huwa biss fir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li donnu mhux jifhem dak li qal tant tajjeb Abraham Lincoln, “You cannot escape the responsability of tomorrow by avoiding it today”. Fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, taħt it-tmexxija ta’ Vella, diġà nsterqu €300,000 (bi żball!) u kollox baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn!

Ħa nfakkar. F’April tal-2023 it-Times of Malta rrappurtat bi prominenza li l-Ministeru tal-Edukazzjoni nsteraq banalment €300,000 meta ħallas ‘invoice’ falsifikata mibgħuta f’isem Hyland Software Ltd, fornitur Britanniku li jagħti servizzi lill-Ministeru. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, inkompetentament ħallas tali ‘invoice’ lil terzi li ma kellu xejn x’jaqsam mal-kumpanija Hyland, għax l-‘invoice’ kienet ‘scam’, u l-Ministeru baqa’ ma ndunax b’dan kollu qabel għaddew madwar ħames xhur.

Kien hemmhekk li l-Ministeru informa lill-Pulizija bl-‘iżball’ li ma kellu qatt isir, u li la sar, għalih kellha tintrefa’ responsabbiltà politika minn Vella li sal-lum għadu ma rkuprax it-€300,000 li nsterqu u minjaf fejn marru u għand min marru!

Kull ċittadin Malti għandu għaliex jinkwieta, għax imġarrab: eżempju, Hearnville, Tillgate u Egrant kienu reali, u fihom kien hemm it-tentattiv li jinsterqu flusna minn min kien fil-poter!

Infakkar ukoll, ħalli ħadd ma jinsa, li s-Segretarju Permanenti ta’ qablu Frank Fabri, f’Jannar tal-2022, kien kostrett jirriżenja mill-kariga, xahar biss wara li wkoll kienet sfurzata tirriżenja l-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Justyne Caruana minħabba skandlu intern. Ir-riżenja tiegħu kienet marbuta ma’ kuntratt kontroversjali ta’ €15,000 li kien approva lil Daniel Bogdanović, is-sieħeb tal-istess ministru.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ta’ dak iż-żmien, George Hyzler kien sab li l-kuntratt ingħata bħala Direct Order u kien qiegħed jiffavorixxi lil Bogdanović li ma kellux il-kwalifiki u l-kompetenza biex jesegwixxi x-xogħol imħallas għalih. Għal €15,000 rriżenjat il-Ministru u s-Segretarju Permanenti, u għal €300,000 ma ġara xejn! Għaliex?

Ir-responsabbiltà hija kollha tal-Ministeru tal-Edukazzjoni

Ħa niġi għall-allegat każ tal-frodi mill-MCAST u għaliex ir-responsabbiltà hija kollha tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ta’ ħadd aktar. Ikun insult lejn l-intelliġenza tal-poplu jekk inħallu lill-ONE u/jew lil xi esponenti Laburisti jdawru l-argumenti fuq il-Partit Nazzjonalista.

Jekk immorru ftit snin lura, xorta taħt Gvern Laburista fl-2018, l-Avukat Paul Bonello mexxa inkjesta dwar l-MCAST li żvelat problemi serji msejsa fuq sistema kordinata ta’ abbuż endemiku fil-Kulleġġ, anki jekk dan ir-rapport ma jitkellimx dwar frodi finanzjarji.

Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, baqgħu qatt ma ġew kunsidrati. Dwar dawn in-nuqqasijiet kont voċiferu tassew b’diversi artikli fil-gazzetti meta ma kontx għadni nokkupa l-kariga li għandi llum.

Imma, fl-2019, fir-rapport annwali tal-kontijiet pubbliċi tal-NAO (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika), kien innutat li s-sistema tal-‘payroll’ tal-MCAST (fejn kienet taħdem Farrugia li allegatment iffrodat lill-Kulleġġ) kellha diversi nuqqasijiet serjissimi. Fost dawn in-nuqqasijiet, l-MCAST me kellhiex sistema ta’ validazzjoni awtomatika li taqbad l-anomaliji. Dan ħareġ minn “żball” meta tniżżel li impjegat ħadem 100 siegħa ‘overtime’ f’ġurnata u li baqa’ ma nqabadx mis-sistema. B’hekk, l-NAO enfasizzat il-ħtieġa li s-sistema tal-‘payroll’ tkun riveduta.

Minkejja dan ir-rapport, ma sar xejn! Tant li fl-2023, il-Follow-up Report tal-istess rapport ewlieni, indirizza b’mod speċifiku l-problemi kontinwi fis-sistema tal-‘payroll’ tal-MCAST u li minkejja t-twissijiet preċedenti, l-MCAST – dak il-perjodu taħt tmexxija differenti minn tal-lum – ma implimentax il-kontrolli meħtieġa biex is-sistema tkun sigura għalkollox.

Fil-fatt, l-MCAST stess ikkonfermat li s-sistema ta’ validazzjoni awtomatika fil-‘payroll’ tagħha “ma taħdimx,” u dwar dan ma ttieħdet ebda azzjoni konkreta u immedjata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, primarjament mis-Segretarju Permanenti.

Mela, l-allegatment frodi ta’ 2.3 miljun ewro seta’ jsir biss għax is-sistema tal-‘payroll’ mhix aġġornata kif wara kollox intalab li jsir mill-NAO. Li kieku biss, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa r-rakkomandazzjonijiet u implimentahom, kieku llum mhux nitkellmu dwar dan il-każ xokkanti. Sadanittant, għadha ma ntrefgħet ebda responsabbiltà politika minn min huwa responsabbli, u fil-Ministeru kollox “business as usual”.

Jekk għall-Gvern ta’ Robert Abela dan aċċettabbli, għalija mhux, u naf li l-maġġoranza assoluta tal-poplu mhux lest jaċċetta din l-inkompetenza grassa minn wieħed mill-aktar ministeri li lilu jkunu vvutati flus fil-Baġit.

Għal €15,000 irriżenjat il-Ministru Caruana u s-Segretarju Permanenti, u sewwa. Għal €300,000 ma ġara xejn. Għal 2.3 miljun ewro lanqas… U mbagħad qalulna li se jkomplu jassiguraw il-governanza u l-akkontabbiltà fl-istituzzjonijiet edukattivi! Mur emmen ħej!

L-iskandli politiċi tad-‘deals’ frawdalenti jippuntaw biss u dejjem lejn il-Partit Laburista li fi ħdanu kellu politiċi korrotti, bil-provi tant li tressqu quddiem il-qrati u kulħadd jaf min huma

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa l-13 ta’ Awwissu, 2025.