Opinjoni

OPINJONI: Żewġ Abbozzi ta’ Liġijiet mill-aktar perikolużi (2)

minn Louise Anne Pulis
Avukat Espert
fid-Drittijiet Fundamentali u d-Demokratizzazzjoni

Illum se nkompli nespandi l-argumenti tiegħi dwar l-hekk imsejħa l-froġa tal-abbozzi tal-ippjanar! Froġa? Balbuljata? Assolutament li le!
Xi ħadd jista’ jkollu intenzjoni li jagħmel xi ħaga tajba u r-riżultat ikun froġa, mhux għax hekk ried jew xtaq!
Imma dawn l-abbozzi, u magħhom ir-Regolamenti tal-Art Agrikola, kienu voluti, intenzjonati u studjati.
Intenzjonati biex jagħtu saħħa assoluta lill-ispekulaturi u lill-iżviluppaturi. Voluti u studjati biex iċ-ċittadin jitteħidlu kull dritt li jwaqqaf dawk li jridu huma! Xejn aktar u xejn anqas!
Il-mod kif ipprovaw idaħħluhom bla ebda konsultazzjoni ma’ stake holders, bla ma ħallew lin-nies jesprimu l-volontà tagħhom, iż-żmien li fih ittentaw iżerżquhom, fl-eqqel tas-sajf meta kulħadd għaddej bi btajjel u mistrieħ jippontaw lejn mala fede sfaċċjata!
Mela ejjew insejħulhom b’isimhom – abbozzi u regolamenti despotiċi u anti-demokratiċi, intiżi biex jagħtu aktar poter lil dawk li qed imexxu pajjiżna bla ma ġew eletti!
Ma jistax ikun li l-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ aktar pupazz f’ idejn l-iżviluppaturi!
Għax il-mod kif il-Gvern ta’ Robert Abela ħareġ dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġijiet bir-raġun kollu li immedjatament qajjem polemiċi kbar u battibekki kemm pubbliċi, fuq il-gazzetti u anke fuq il-mezzi soċjali, u bir-raġun.
Kif ktibt il-ġimgħa l-oħra, għal dnubieti ddeċidejt li naqrahom, u twaħħaxt. Kieku mhux għax dak propost imur dijametrikament kontra prinċipji demokratiċi u li jissalvagwardjaw it-tħaddin tas-Saltna tad-Dritt ngħid li dawn l-abbozzi huma ‘a classical comedy of errors’ jew traġi-kummiedja. Fi kliem il-Prim Ministru ‘non-starters’.
Robert Abela qal lill-attivisti li marru jipprotestaw quddiem il-Parlament, li ma kenux fehmu l-kontenut tal-abbozzi, imma jekk hemm xi ħadd li donnu ma fehemx huwa hu.
Il-President tal-Partit Laburista u anke wħud mill-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista wkoll fehmuhom sew l-abbozzi, tant li ħarġu stqarrijiet li hemm bżonn ta’ konsultazzjoni qabel jiddaħħlu.
Il-punt tat-tluq huwa l-iskop li għalih teżisti l-Awtorità tal-Ippjanar.
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ġiet stabbilità fl-1992 biex tirregola l-iżvilupp, u taċċerta li dak l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli, li jimxi skont il-policies u l-pjanijiet kemm lokali u dawk nazzjonali. Kienet maħluqa biex tindirizza l-ħtieġa ta’ trasparenza u tneħħi d-diskrezzjoni assoluta tal-Ministru. Kienet mezz ta’ delegazzjoni ta’ poter f’idejn Awtorità indipendenti li kellha tiddeċiedi dwar permessi skond il-Ligi, policies u pjanijiet lokali oggettivi.

L-Abbozz 144
Niġu għall-abbozz 144 li jistabbilixxi t-Tribunal li jirrevedi deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, u li jaqleb ta’ taħt fuq il-Kapitlu 551 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Fil-fatt, dan l-abbozz iwelled mill-ġdid it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar, li jkun magħmul minn chairperson u żewġ membri oħra. F’ kull panel żewġ membri minnhom għandu jkollhom għarfien b’ saħħtu fl-ippjanar tal-iżvilupp u materji ambjentali filwaqt li l-membru l-ieħor ikun avukat li jkun ilu jipprattika l-professjoni għal mill-anqas erba’ snin. It-Tribunal jista’ jipproċedi b’żewġ membri preżenti minkejja l-assenza ta’ membru minnhom għal raġuni ġustifikata.
Fl-eżerċizzju tal-qadi ta’ dmirijithom, iċ-Chairperson u l-membri tat-Tribunal ma jkunux soġġetti għal kontroll jew direzzjoni ta’ kwalunkwe persuna jew awtorità oħra u jistgħu jitneħħew mill-kariga mill-President, fuq parir tal-Prim Ministru, f’każ biss ta’ inabbiltà li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom minħabba mard jew raġuni oħra; imġiba ħażina jew negliġenza serja.
Sa hawn kollox ħarir, imma l-bużillis jibda minn Artiklu 6. Iċ-Chairperson għandu s-setgħa li jaħtar persuni biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont il-Liġi. Din is-setgħa tinkludi li jaħtar lilu nnifsu jew lil xi membru tat-Tribunal bħala uffiċjal maħtur.
It-Tribunal ikollu segretarjat amministrattiv appożitu li jkun magħmul minn Segretarju u uffiċjali oħra. Is-Segretarju jiġi maħtur mill-Prim Ministru, filwaqt li l-ħatra tal-uffiċjali u impjegati l-oħra jsiru mis-Segretarju bi qbil mal-Prim Ministru. Dan ma tantx jawgura tajjeb għall-indipendenza tat-Tribunal.
Ser jiġi stabbilit Reġistru li s-Segretarju jkun responsabbli għalih. Ir-reġistru jkun miftuħ bejn it-tmienja ta’ filgħodu sa nofsinhar u mis-siegħa u nofs sat-tlieta u kwart mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-ħinijiet tax-xitwa, u mit-tmienja ta’ filgħodu sa nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru.
Ir-Reġistru jaċċetta preżentata ta’ atti b’ mod elettroniku, b’ dana illi jekk dawn ma jintbagħtux fil-ħinijiet tar-Reġistru jitqiesu li jkunu ġew riċevuti l-għada.

Diskrezzjoni ta’ komunikazzjoni
It-Tribunal ikollu d-diskrezzjoni li jikkomunika mal-partijiet bil-mezzi elettroniċi jew bil-posta, skond id-diskrezzjoni tiegħu. Dan joħloq preġudizzju kontra min ma jafx juża jew m’għandux internet, u min ma jafx jikteb u jaqra.
F’każ li l-indirizz elettroniku pprovdut minn parti ma jkunx korrett, jew ma jibqax jiffunzjona jew jirċievi korrispondenza u ma jiġix rettifikat sad-data tal-ewwel smigħ, dik il-parti titqies li tkun abbandunat l-Appell.
Kull parti għandha tinnotifika lill-partijiet l-oħra kollha fl-Appell b’ kull dokument jew sottomissjoni li tipprezenta quddiem it-Tribunal fi żmien jumejn tax-xogħol, u fin-nuqqas it-Tribunal jista’ jordna li dawk id-dokument jew atti jiġu mneħħija mill-proċediment tal-Appell.
It-Tribunal se jkollu s-setgħa li jisma’ u jiddeċiedi Appelli fuq fatti u punti ta’ liġi. Id-determinazzjoni fattwali magħmula mit-Tribunal ikunu finali u m’għandhomx ikunu soġġetti għal reviżjoni minn ebda Qorti.
L-istruttura tat-Tribunal ġiet tixbaħ lil dik ta’ qorti. It-Tribunal jista’ anke jimponi multi sa ħamest elef Ewro fuq l-Appellant jekk jiddikjara l-Appell bħala frivolu u vessatorju, liema deċiżjoni tkun finali u mhux sindakabbli minn ebda Qorti.
It-Tribunal ikollu d-dritt li jikkoreġi deċiżjonijiet jekk fi żmien għoxrin ġurnata xi ħadd mill-partijiet jagħmel Rikors, jew fuq inizjattiva tiegħu jekk iħoss li xi espressjoni tkun ekwivoka jew dubjuża.
It-Tribunal ser ikollu s-setgħa li jaħtar esperti biex iħejju rapporti u anke uffiċjali biex jisimgħu l- provi.
Talba għal Appell quddiem it-Tribunal trid tagħmel referenza speċifika għad-deċiżjoni Appellata, u trid tinkludi kopja tad-deċiżjoni flimkien ma’ pjanta tas-sit; tidentifika b’ mod ċar l-aspetti speċifiċi tad-deċiżjoni li qed jiġu kkontestati taħt intestaturi separati u tispeċifika r-raġunijiet għall-Appell. Għandu jkollha lista tax-xhieda u l-prova li ser tinġieb permezz ta’ kull xhud u jekk hux ser jixhed bil-fomm jew permezz ta’ affidavit. It-Tribunal imbagħad għandu d-diskrezzjoni li jagħżel liema xhieda huma rilevanti għall-Appell qabel jappuntah għas-smigħ.
It-Tribunal ikollu dritt li jagħmel spezzjoni fil-post fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ kwalunkwe parti.
It-Tribunal se jkun marbut bit-terminu ta’ sena biex jiddeċiedi l-Appell u dan it-terminu jista’ jiġi estiż għal sitt xhur għal darba waħda biss.
F’ uħud minn Appelli oħra, it-Tribunal ikun obbligat li jiddeċiedi l-Appell fi żmien ħames xhur u t-terminu jkun jista’ jiġi estiż għal darba waħda biss jekk il-Tribunal ma jilħaqx jiddeċiedi.
It-Tribunal se jkollu s-setgħa li jisma’ wkoll Appelli minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Appell ikun appuntat fi żmien xaħrejn, ħlief jekk ikun akkumpanjat minn talba għal sospensjoni – li jfisser li s-sospensjoni f’dal-każ mhijiex awtomatika.

Rikors tal-Appell
Quddiem il-Qorti tal-Appell, kemm ir-Rikors tal-Appell u anke r-risposta iridu jsiru fi zmien għoxrin ġurnata b’mezz elettroniku. Ir-Reġistratur tal-Qorti imbagħad għandu żmien għaxart ijiem mill-preżentata tar-Rikors tal-Appell biex jinnotifika lill-partijiet kollha b’ mod elettroniku bid-data tas-smigħ.
Id-data appuntata għas-smigħ trid tkun mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-preżentata tal-Appell, u ebda differiment ma jingħata ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali.
Il-Qorti tal-Appell trid tagħti d-deċiżżjoni tagħha sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-ewwel seduta ta’ smigħ. F’kaz li l-Qorti ma jirnexxilhiex tagħti sentenza fiż-żmien, ikollha opportunità ta’ darba waħda biss biex testendi t-terminu għal mhux aktar minn xahar.
Meta terza persuna interessata jew konsulent estern jipprezentaw Appell quddiem il-Qorti tal-Appell, il-permess jibqa’ sospiż sakemm id-deċiżjoni tkun finali, però jekk il-Qorti tal-Appell ma tagħtix deċiżjoni fi żmien ħames xhur mid-data tal-preżentata tal-Appell, kwalunkwe permess ma jibqax jitqies sopiż u kwalunkwe xogħol li jsir wara l-iskadenza tal-ħames xhur u qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ma jkunx affettwat jew invalidat.
Fir-Rikors tal-Appell, kull Appellant għandu jispeċifika l-prinċipji legali allegatament miksura, u jispjega kif it-Tribunal, abbażi tal-fatti determinati li mhumiex soġġetti għal reviżjoni tal-Qorti, applika b’ mod żbaljat dawk il-prinċipji. Jekk ma jagħmilx hekk, ir-Rikors tal-Appell ikun meqjus null.

Konklużjoni
Ir-reviżjoni tal-Qorti ser tiġi limitata bil-kbir – mhux biss tal-Qorti tal-Appell imma anke tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn tidħol revizzjoni ġudizzjarja.
Din mhix l-ewwel darba li Partit Laburista għamel dan. Fl-1981, Gvern Laburista kien neħħa r-reviżjoni tal-Qrati u għalhekk illimita bil-kbir id-drittijiet taċ-ċittadini filwaqt li tat saħħa enormi u diskrezzjoni vili u arbitrarja lill-Ministri, lill-Awtoritàjiet u lid-Dipartimenti tal-Gvern.
Dan jaghti lok ghal abbużi u korruzzjoni sanzjonati mir-Repubblika ta’ Malta li jeskludu l-iskrutinju tal-Qorti. Manuvri tipiċi ta’dittatorjat – donnu kopja karta saħħara ta’ x’ġara fl-Ungerija u l-Polonja ftit tas-snin ilu.
Żdiedu bil-kbir il-burkorazija u l-formalità, meta l-prassi hi li Bordijiet u t-Tribunali joperaw skond il-Liġi u l-prinċipji ta’ ġustizzja naturali, b’aktar informalità u minghajr abbuż ta’poter.
Tqassru ferm it-termini tal-Appell, u l-perjodi li fihom iridu jiġu deċiżi. Dan jagħti lok għall-preġudizzju kontra l-partijiet fl-Appell għad-dritt ta’ smigħ xieraq, filwaqt li potenzjalment inaqqas mill-kwalità tal-kontenut u s-sustanza tas-sentenzi.

Spejjeż żejda
Żdiedu l-ispejjeż għal kull min irid jAppella, għaliex l-kumplessità u r-rigorożità rikjesti għar-Rikors tal-Appell u dokumentazzjoni ifissru li l-Appellant bilfors ikollu jirrikorri għand avukat u perit.
Dan huwa xejn ghajr eżerċizzju straordinarju u abominevoli ta’ kif il-gvern irid ihott u jinnewtralizza dawk il-ftit proceduri legali eżistenti li jipproteġu liċ-ċittadin mill-abbuż sfrenat, mid-deċiżjonijiet żbaljati (volontarji jew involontarji), korrotti (fiskalment jew politikament), illegali, abbużivi jew bla raġuni, ta’ kwalunkwe gvern u/jew tal-bażużżli tieghu.
Forsi l-Prim Ministru ma jdumx ma jgħidilna li dan kollu huwa biss perċezzjoni (bħat-taffiku!) jew azzjoni anti-patrijotika tal-establishment u tal-fazzjonijiet estremi u forsi l-Ministru tal-Ġustizzja jerġa’ jgħidilna li dan huwa eżempju ieħor tad-dedikazzjoni bla heda tal-Gvern tal-ġurnata lejn is-aaltna tad-dritt!

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 10  ta’ Awwissu, 2025.