Knisja Lokali

Petizzjoni wara li tħabbar l-għeluq tal-MUSEUM fl-Imsida

“L-għeluq ta’ dan iċ-ċentru mhux biss ser tkun ħsara psikoloġika u emozzjonali għat-tfal tagħna…imma anke fil-mod kif jaħsbuha fuq ir-reliġjon tagħna”

Saħqu dan bost ġenituri li jibgħatu lill-uliedhom il-Museum tal-Imsida – Ċentru li wara 116-il sena mistenni jispiċċa magħluq minħabba nuqqas kbir ta’ tfal li jattendu, kif ukoll nuqqas ta’ soċi.

Din id-deċiżjoni ġabet magħha furja kbira min naħa tal-misidjani – partikolarment dawk li jibgħatu lit-tfal tagħhom għat-tagħlim reliġjuż u kif ukoll dawk it-tfal li għalhom il-Mużew, apparti li hu sors ta’ tagħlim, huwa wkoll post fejn wieħed jibni ċerta ħbiberiji f’esperjenzi sbieħ tat-tfulija.

Kien għalhekk li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal affettwati ser ikunu qiegħdin iressqu petizzjoni sabiex il-binja ‘Dun Ġorġ’ li ilha tintuża bħala Museum għal snin twal, tibqa’ topera u tilqa’ fiha tfal li lesti jkomplu jsawwru t-tfulija tagħhom fi ħdan din l-istituzzjoni.

Fil-petizzjoni qed jiġi spjegat li l-għeluq ta’ dan iċ-ċentru li ilu ‘l fuq minn 100 sena jilqa’ fi ħdanu tfal għatxana għat-tagħlim reliġjuż kapaċi jkun bidu sabiex iktar ċentri b’diffikultà iżarmaw ukoll.

Apparti min hekk fil-petizzjoni, li diġa’ ġabret numru sostanzjali ta’ firem mir-residenti tal-Imsida, hemm spjegat ukoll li hekk id-demografija tar-raħal inqalbet ta’ taħt fuq fl-aħħar snin, mela allura hemm aktar bżonn li t-tfal tar-residenti barranin jkunu mħeġġa huma wkoll li jersqu lejn r-reliġjon Kattolika u jibdew jattendu l-Museum sabiex anke jieħdu l-esperjenza tat-tfulija fi ħdan il-komunità. Iżda, kif spjegat fil-petizzjoni, din żgur li ma tistax issir – għall-inqas fl-Imsida – minħabba li issa fil-bidu ta’ Settembru il-binja mistennija tieqaf topera.

Fl-aħħar nett, il-ġenituri spjegaw ma’ Net News li huma ser jibqgħu jissieltu sabiex din il-komunità tal-Museum fl-Imsida tibqa’ għaddejja u għalhekk ser ikomplu jitkellmu u jsemmgħu leħinhom sabiex is-sabiħ li jsawwar fik il-Museum, speċjalment fis-snin bikrin tat-tfulija, ma jintilfux.