Caritas Malta qed tipproponi li l-età legali għal xorb alkoħoliku għandha titla’ għal 21 sena – minn dik preżenti ta’ 17-il sena.
Caritas Malta enfasizzat ir-riskji serji li jġib miegħu l-alkoħol għas-saħħa, u qed tkompli tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ edukazzjoni pubblika ċara dwar ix-xorb żejjed inkluż binge drinking u l-effetti fit-tul tiegħu.
L-għaqda, fi stqarrija, appellat sabiex dejjem tingħata prijorità lill-benesseri u r-reżiljenza billi tinkoraġġixxi stil ta’ ħajja b’saħħitha; b’kuntatt mal-komunità. B’hekk, Caritas Malta nediet fost l-oħrajn numru ta’ proposti ewlenin fosthom twissijiet dwar is-Saħħa u kif l-pubbliku għandu jkun infurmat ferm aktar dwar ir-riskji għas-saħħa u problemi soċjali marbuta mal-alkoħol.
Caritas Malta ressqet ‘il quddiem proposti fejn jidħol reklamar u Marketing, fosthom is-suġġeriment ta’ projbizzjoni ta’ reklami tal-alkoħol fi spazji pubbliċi bħal fuq billboards u karozzi tal-linja. Dan apparti proposta dwar kif għandu jiġi limitat ir-reklamar fuq it-TV u r-radju għal wara l-10:00pm u qabel il-5:00am.
Fil-konfront tal-aħħar każijiet traġiċi li rajna fil-gżejjer Maltin, Caritas saħqet fuq tolleranza zero…. u kif il-limitu tal-konċentrazzjoni ta’ akoħol fid-demm għandu jitnaqqas għal 100ml biex tiġi protetta aħjar is-sigurtà pubblika fejn jidħol is-sewqan.
F’dawn il-grupp ta’ proposti li intbgħatu lill-Gvern qabel titfassal policy nazzjonali, issemma’ ukoll kif għandu jogħla l-prezz minimu tal-alkoħol għal €0.75 kull unit bil-għan li titnaqqas l-afordabbilità ta’ binge drinking u xorb żejjed.
Fl-aħħar nett, rigward l-età tax-xorb, Caritas saħqet li din għandha titla’ għal 21 sena – dan sabiex, skont il-Caritas, l-istat ikun jista’ jissalvagwardja l-interess taż-żgħażagħ b’mod aktar effettiv.
Il-Caritas qalet li din il-proposta tkun tista’ timminimizza aċċidenti fit-triq minn dawk li jkunu għadhom kif ġew liċenzjati – dan filwaqt li tkun qed tissalvagwardja lil kull sewwieq ieħor fit-toroq Maltin.
//= $special ?>