Lokali Qorti

“Qtiltomlok ja qurdiena!” – Karmenu Ciantar lit-tifla ta’ Toni Agius

“Ma ġejtx biex noqtlok ukoll biex narak issofri” – Ciantar lil Agnes Mifsud wara li qatel lil binha

“Qtiltomlok, ja qurdiena.”

Hekk saħaq Karmenu Ciantar, ta’ 72 sena, ma’ Kelly Agius, bint Anthony Agius – wieħed miż-żewġt irġiel maqtulin b’itri ta’ arma tan-nar fil-Kunċizzjoni, fil-Baħrija, allegatament mill-istess Ciantar.

Fil-Qorti dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Ciantar fejn l-Ispettur Colombo Zahra xehed li fid-29 ta’ Lulju huwa wasal fil-post fil-Kunċizzjoni fejn sab żewġt irġiel mejtin biswit il-vetturi tagħhom, ċioè lil Anthony Agius, ta’ 57 sena u Dennis Mifsud, ta’ 51 sena – filwaqt li kien hemm kamra qed tieħu n-nar.

Huwa spjega wkoll li qrib tal-kadavri instabet l-Karta tal-Identità ta’ Ciantar kif ukoll il-liċenzja tas-sewqan. L-Ispettur saħaq li meta mar lura fil-Kappella tal-Kunċizzjoni sab lil bint Agius, Kelly Agius fejn spjegat li ċemplet lill-akkużat, jiġifieri lil Karmenu Ciantar, b’dan tal-aħħar jgħidilha…qtiltomlok, ja qurdiena.

Fil-Qorti instemgħa kif dik l-għodwa Ciantar kellu xi jgħid mal-partner tiegħu, Agnes Mifsud u sussegwentament ħa s-senter u telaq ‘il barra mid-dar.

Ġie spjegat li Mifsud tiġi proprju omm wieħed mill-vittmi, Dennis, kif ukoll in-nanna ta’ Kelly Agius.
L-Ispettur kompla jixhed li huwa stess ċempel lill-akkużat f’telefonata rrekordjata – b’Ciantar jgħidlu li se jsibuh mejjet u allega li l-vittmi kienu qed jaqbdu miegħu fuq art. L-ispettur ssokta jgħid li l-akkużat qallu li jekk imur il-ħabs jittorturawh u li kien marid.

Huwa spjega li Ciantar kien rintraċċat fil-Mellieħa, u wara l-Mosta – dan filwaqt li spjega lil-akkużat kien qallu ċar u tond li kien se jmur jiekol il-KFC tal-Mosta u li wara ma kienux se jsibuh ħaj.

Pulizija fiż-żona minnufih lemħu anzjan bil-mobile ma’ widnejh – fejn identifikawh bħala Ciantar. Kien dak il-ħin li l-akkużat hedded lill-ispettur li kien se jispara fuq in-nies – bl-uffiċjal jgħidlu li kien hemm it-tfal – b’Ciantar iwieġeb li jista’ jinsa li se jispara fuq it-tfal.

Xellug: Anthony Agius – Lemin: Dennis Mifsud

Ciantar spjega li l-ewwel ma’ spara lil Mifsud għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart fejn iddeskriva li sparalu qisu ma kien xejn. Sussegwentament aktar tard saħaq li Tony, ċioe Anthony Agius, wasal fil-post – bil-vittma jappellalu biex ma jisparax. Madanakollu Ciantar sostna mal-pulizija li sparalu tliet darbiet.

Ġie spjegat li l-Pulizija sabu senter fil-but ta’ wara tal-karozza li kienet ipparkjata fil-parking lot tal-Pama.
Il-Pulizija spjegat li waqt l-interrogazzjoni Ciantar ammetta li qatilhom it-tnejn filwaqt li kieku jista’ jiskuża ruħu ma’ Dennis Mifsud, madanakollu ma’ Tony Agius le.

Huwa kkonferma li qabbad kamra ta’ razzett għaliex kellu xi għodda hemm ġew li ma ried lil ħadd jużahomlu.

Fix-xhieda tiegħu l-ispettur saħaq li Ciantar qed jinżamm fil-Forensic Unit tal-ħabs.

Fil-Qorti intqal aktar dwar din l-art imsemmija minn Ciantar, fejn ġie spjegat li l-argument maż-żewġ vittmi beda fuq biċċa art li Agnes Mifsud kienet wirtet mingħand ir-raġel tagħha wara li miet. L-ispettur spjega li hija kienet tat lil Ciantar parti minn din l-art sabiex jonsob – madnakollu Agius u Mifsud kienu kontra u m’aċċettawx – bl-akkużat jgħid li ma kienux iħalluh jimla barmil ilma.

Karmenu Ciantar jgħid lil Agnes Mifsud li ma qatilx lilha wkoll biex jaraha ssofri

Aktar tard bdiet tixhed proprju Agnes Mifsud, fejn saħqet li Karmenu Ciantar kien ħabib tar-raġel tagħha, li sfortunatament kien miet. Hija saħqet li għal bidu r-relazzjoni bejna u bejn Ciantar kienet sejra tajjeb madanakollu aktar tard l-akkużat beda jgerger fuq kollox.

Mifsud spjegat li tliet snin wara li bdew ir-relazzjoni Ciantar talabha aktar art milli tatu sabiex ikun jista jonsob – saħansitra biċċa mill-art li kienet tat lil binha u lir-raġel ta’ bintha – ċioè il-vittmi – fejn dawn kienu jkabbru l-ħxejjex. Ovvjament hija saħqet li dawn ma ridux iċedu l-art tagħhom fejn kienu jaħdmu – biex l-akkużat ikun jista’ jonsob.

Hija sostniet li wara l-argument li kellhom filgħodu, fejn ħareġ bis-senter…bdiet tinkwieta hekk kif ma kienet semgħet xejn sal-ħin tal-erbgħa ta’ waranofsinhar….u wara li ċemplitlu xi sitt darbiet – Ciantar weġibha li kien qatlilha l-fniek tagħha. Huwa tenna li qatilhom, u staqsiha marritx tarahom. Huwa qalilha li wieħed qatlu fil-vann u l-ieħor fil-karozza.

Maħkuma mix-xokk hija stqarret li f’telefonata oħra Karmenu Ciantar qalilha li ma giex għaliha biex joqtolha għax ried jaraha issofri. Hija rrakkuntat li bdiet tgħajjat u pprovat iċċempel lil binha u lir-raġel ta’ bintha…li ovvjament ma qabduhiex – fejn hemm irrealizzat li verament kien qatilhom.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima bl-Avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Colombo Zahra.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit filwaqt li l-Avukati Mario u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-familja ta’ Anthony Agius u l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Chetcuti Dimech qed jidhru għall-familja ta’ Dennis Mifsud.