Il-President Amerikan Donald Trump qed jieħu pożizzjoni iebsa ferm – jekk Vladimir Putin ma jaċċettax ftehim għal waqfien mill-ġlied, se jkun hemm konsegwenzi severi fuq ir-Russja. Dan qalu fl-isfond tas-summit li se jsir fl-Alaska nhar il-Ġimgħa.
Trump qed jgħid li wara s-summit ta’ jumejn oħra għandu jkun hemm laqgħa oħra li tinkludi lil Zelensky.
Qabel is-summit fl-Alaska, li se jiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-Ukrajna, il-mexxejja Ewropej indirizzaw lil Donald Trump f’laqgħa virtwali. Hekk kif jidher li l-President Amerikan jinsab kommess li jżomm lill-Ukrajna fiċ-ċentru tat-taħdidiet għall-paċi fil-Lvant tal-Ewropa.
Il-laqgħa virtwali bejn il-mexxejja Ewropej u Donald Trump saret kmieni illum wara nofsinhar. U l-President ta’ Franza Emanuel Macron, f’kummenti mal-ġurnalisti wara din l-istess laqgħa, żvela li Trump kien ċar ħafna fi kliemu – u l-Ukrajna se tkun involuta fin-negozjati territorjali.
Il-PM Brittanniku Keir Starmer minn naħa tiegħu wieghed l-appoġġ totali lill-Ukreni. Dan filwaqt li wara t-taħdidiet ma’ Trump, Volodomyr Zelensky stqarr li hu jinsab pożittiv dwar it-triq ‘il quddiem lejn soluzzjoni għal dan il-kunflitt imdemmi.
Analisti Ewropej qed jirrappurtaw kif dawn l-aħħar sigħat ikkonfermaw kemm l-Ukrajna u l-UE qed iżommu pożizzjoni komuni. U issa, l-attenzjoni se tkun kollha kemm hi fuq is-summit tal-Alaska.
Intant, fi tmiem dawn it-taħdidiet li kienu ibbażati f’Berlin, il-Kap tan-NATO Mark Rutte qal li issa l-ballun jinsab f’saqajn Vladimir Putin. Filwaqt illi l-Vici President Amerikan JD Vance insista li l-Amerikani se jaghmlu minn kollu biex jirrestawraw il-paċi fil-kontinent Ewropew.
//= $special ?>