Internazzjonali

Zelensky mhux ħa jċedi r-reġjun ta’ Donbas bħala parti mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkonferrma li mhux ħa jkun qed iċedi r-reġjun ta’ Donbas bħala parti mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mar-Russi.

Zelensky tkellem propju ftit ġranet qabel laqgħat li mistennija jsiru nhar il-Ġimgħa fl-Alaska bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-President Russu Vladmir Putin dwar il-waqfien mill-ġlied bejn ir-Russi u l-Ukreni – iżda mingħajr il-preżenza tal-Ukreni.

Fl-aħħar jiem Donald Trump iddikjara illi kwalunkwe ftehim għall-waqfien mill-ġlied se jkollu jinvolvi l-għoti ta’ ċertu territorji, hekk kif huwa mifhum li waħda mit-talbiet ta’ Putin, sabiex il-ġlied jintemm huwa li Kyiv iċċedi partijiet tar-reġjun Donbas li għadha taħt il-kontroll tal-Ukreni.

Intant, ir-Russi komplew javvanzaw fl-offensiva tagħhom, hekk kif avvanzaw 10 kilometri f’Dobropillia f’qasir żmien.

U filwaqt li Zelensky ammetta li r-Russi avvanzaw f’numru ta’ żoni, huwa ddikjara li Kyiv dalwaqt li se tkun qed tfarrak kull unit li hija involuta fl-attakk. Fejn insista wkoll li l-Ukreni mhux ħa jċedu Donbas, għaliex fost ħafna raġunijiet oħra, dan jista’ jiffaċilità l-offensiva tar-Russi wkoll.

Matul il-jum tat-Tlieta, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea wissew kontra kull possibbiltà li l-fruntieri tal-Ukrajna jispiċċaw mibdula bil-forza.

Fi stqarrija ffirmata minn 26 fost is-27 mexxej Ewropew, huma insistew li l-poplu Ukren għandu jitħalla liberu sabiex jiddeċiedi l-futur tiegħu u sabiex ir-Russja tirrispetta l-prinċipji territorjali tal-Ukrajna.

Din l-istqarrija ma kinitx iffirmata minn mexxej wieħed – Viktor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż.