Lokali

83 sena mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija

Nifs ta’ tama u kuraġġ.

Kien dan is-sentiment li esperjenza pajjiżna, fil-15 ta’ Awwissu tal-1942, propju f’jum Santa Marija ta’ 83 sena ilu, hekk kif kien daħal il-Konvoj ta’ Santa Marija, bl-isem ta’ ‘Operation Pedestal’.

Dan il-konvoj daħal Malta propju fl-istess żmien li pajjiżna kien qed jiġġieled l-għadu fit-Tieni Gwerra Dinjija, bit-tir li jsalva lil poplu mill-ġuħ. Anke minħabba l-fatt li April tal-1942 kien l-aktar xahar kiefer fost għall-Maltin, u fix-xhur ta’ wara l-ikel kien skars immens.

It-Taljani u l-Ġermaniżi kienu attakkawna b’7,000 tunnellata ta’ bombi f’medda ta’ xahar wieħed biss. Kawża ta’ dawn l-istess bombi, aktar minn 40,000 binja, fosthom knejjes, sptarjiet, djar u siti storiċi inqerdu, filwaqt li 200 suldat u 300 ċivili tilfu ħajjithom.

Il-konvoj Operation Pedestal, fi triqtu lejn Malta, ġarrab attakki kostanti mill-ajru u l-baħar minn torpedo boats, ajruplani u sottomarini Taljani u Ġermaniżi. Ħamsa biss mill-14-il vapur merkantili rnexxielhom jaslu fil-Port il-Kbir.

Meta fit-13 t’Awwissu waslu l-ewwel tliet vapuri merkantili bl-ismijiet ta’ Port Chalmers, Rochester Castle u Melbourne Star waslu fit-13 t’Awwissu, u pajjiżna laqa’ bi ħġaru lill-ekwipaġġ u qieshom bħala eroj.

Ir-raba’ vapur, il-Brisbane Star, wasal fi gżiritna fl-14 ta’ Awwissu. Iżda, l-aktar vapur mistenni kien l-SS Ohio – li daħal l-għada. Vapur mgħobbi bi 13,000 tunnellata ta’ prodotti, fjuwil, pitrolju u żejt.

Il-jum tal-15 ta’ Awwissu tal-1942 se jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna għal dejjem. Kienet ġurnata li mmarkat żvolta fil-gwerra, b’ħafna Maltin jerħula lejn il-Port il-Kbir, jifirħu u jilqgħu il-wasla ta’ dan il-bastiment.