Qed jingħad li għad hemm mal-40 persuna li għadhom ma nstabux. 27 huma l-vittmi konfermati sa issa. Fost il-mejtin, hemm tifla ta’ sena u nofs. Missierha messitu l-istess xorti traġika. Ommha irnexxielha issalva.
Dan huwa r-rakkont ta’ traġedja oħra tal-immigranti fil-baħar Mediterran, ftit ‘il barra minn Lampedusa – nawfraġju li ħalla tebgħa sewda fuq il-ġimgħa ta’ Santa Marija.
Il-media Taljana qed tirrapporta li 60 irnexxielhom jiżgiċċaw minn ħalq il-mewt wara li ż-żewġ dgħajjes li kienu fuqhom l-immigranti inqalbu fil-baħar.
Kien l-immigranti infushom illi infurmaw lill-awtoritajiet Taljani li kien hemm propju żewġ dgħajjes. Għaliex għall-bidu, kien qed jingħad li kienet dgħajsa waħda li inqalbet.
Abbord kien hemm immigranti li ħarbu mill-Eġittu, is-Somalja, il-Pakistan u anke s-Sudan.
Qed jingħad ukoll li fost dawk li salvaw minn dan in-nawfraġju, kien hemm ħamest itfal li ma kienu weħidhom.
Bħalissa, qed issir rikostruzzjoni tal-fatti kif seħħew. Fejn jirriżulta li l-immigranti telqu mil-Libja nhar it-Tlieta wara li tpoġġew fuq żewġ dgħajjes biex jibdew vjaġġ ta’ tama għal ħajja aħjar – vjaġġ li għalih ħallew ġidhom kollu, bi flejjes kbar li taw lit-traffikanti.
Hu mifhum li f’nofs il-vjaġġ lejn Sqallija, waħda mid-dgħajjes tagħhom bdiet timtela bl-ilma – bir-riżultat li inqalbet.
Uħud mill-immigranti irnexxielhom jaqbdu mad-dgħajsa l-oħra, bir-riżultat li anke din inqalbet fil-baħar.
Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni qed tinsisti li dan kien att ieħor inuman minn naħa tat-traffikanti tal-persuni. Dan filwaqt li l-awtoritajiet Taljani qed jinvestigaw dan il-każ, u fetħu dossier bl-akkuża ta’ qtil volontarju.
L-investigazzjoni qed titmexxa mill-Prokura ta’ Agrigento.
//= $special ?>