Ħamrun Spartans ġew eliminati mit-tielet rawnd tal-UEFA Europa League wara li tilfu wkoll il-partita ta’ ritorn kontra Maccabi Tel Aviv bl-iskor ta’ 3-1. Din il-partita ma kinitx milgħuba fl-Iżrael minħabba l-inkwiet politiku li jeżisti fil-pajjiż iżda ntlagħbet fit-TSC Arena fis-Serbja. Il-Ħamruniżi kienu ġejjin minn prestazzjoni pożittiva fit-Tony Bezzina Stadium iżda kienu kostretti li jdawru r-riżultat fis-Serbja wara telfa ta’ 2-1 li waslet lejn it-tmiem.
Minkejja l-eliminazzjoni mill-UEFA Europa League, iċ-champions lokali jkomplu l-avventura Ewropea fil-UEFA Conference League meta jilagħbu l-Play-Off kontra FC RFS tal-Latvja wara li ġew eliminati mill-Europa League mit-tim Finlandiż KuPS.
Ħamrun kellhom okkażjoni mill-aqwa li jiftħu l-iskor meta ngħataw penalty fit-28 minuta wara li l-ballun ħabat ma’ idejn Osher Davida fil-kaxxa. Inkariga ruħu Emerson Marcelina iżda x-xutt tiegħu stampa mal-mimduda.
Ta’ dan pattew qares għaliex anqas minn għaxar minuti wara, Maccabi Tel Aviv marru fil-vantaġġ. IDO SHAHAR irċieva ballun vertikali, ikkontrolla tajjeb il-ballun u wara li avvanza għeleb lil Henry Bonello b’konklużjoni fil-baxx.
Ħamrun għamlu r-riżultat indaqs qabel tmiem l-ewwel taqsima meta serqu ballun f’nofs il-grawnd, N’Dri Philippe Koffi qassam lejn JOSEPH MBONG li kkontrolla u b’xutt għar-rokna sab ix-xibka. Madankollu t-taqsima kienet għadha ma spiċċatx u fit-tieni minuta tal-ħin miżjud, reġa’ kien IDO SHAHAR li b’opportuniżmu daħal tajjeb għal kross mil-lemin u ma żbaljax minn quddiem Bonello.
Dan il-gowl bidel l-andament tal-logħba hekk kif sa dak il-ħin, Ħamrun riedu żewġ gowls biex jilħqu lill-avversarji. Maccabi Tel Aviv neħħew kull dubju mill-kwalifikazzjoni fid-69 minuta b’azzjoni li fiha nfetħet id-difiża Ħamruniża. OSHER DAVIDA rċieva ballun quddiem fuq il-lemin u minn qagħda ideali xeħet fir-rokna.
//= $special ?>