Internazzjonali

Iżrael: Determinat li ‘jidfen’ l-idea ta’ Stat Palestinjan

Il-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan, Bezalel Smotrich, irrefera għall-pjani biex jinbnew ‘il fuq minn 3,000 residenza  bħala parti minn proġett ambizzjuż għar-rilokazzjoni tal-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent.

Smotrich, politiku estremista tal-lemin, enfasizza, fost oħrajn, li pjan bħal dan ‘għandu jidfen darba għal dejjem l-idea ta’ Stat tal-Palestina’.

L-hekk-imsejjaħ proġett ‘E1’ bejn Ġerusalemm u l-komunità ta’  Maale Adumim ilu friżat għall-għexieren tas-snin fost l-oppożizzjoni ħarxa fuq livell internazzjonali.

Il-bini propost tar-residenzi, sadanittant, għandu, effettivament, jissepara lix-Xatt tal-Punent mill-artijiet okkupati ta’ Ġerusalemm tal-Lvant – u bil-proġett anki jostakola bil-kbir il-konnessjonijiet territorjali.

Il-Ministru Smotrich spjega li l-proġett għandu jwaqqaf  b’mod effettiv l-ambizzjonijiet għal Stat tal-Palestina — fost il-kumment  li ‘ma hemm xejn u ħadd denju għal dan ir-rikonoxximent’.

Minkejja l-kuntestazzjonijiet min-naħa ta’ Iżrael, ir-residenzi tal-Lhud fix-Xatt tal-Punent huma kunsidrati bħala illegali skont il-liġi internazzjonali…L-issue hi anki fost l-aktar kwistjonijiet li qed iqanqlu tensjoni bejn Iżrael u l-Palestinjani.

Madwar 700,000, bħalissa, qegħdin jgħixu f’xi 160 zona residenzjali fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant….Artijiet li l-Palestinjani jriduhom  jiffurmaw parti minn Stat Palestinjan indipendenti.

Fil-fatt, il-kummenti kontroversjali ta’ Smotrich qed isegwu l-aħħar dikjarazzjonijiet minn diversi pajjiżi tal-Punent dwar l-intenzjonijiet tagħhom biex, fil-ġimgħat li ġejjin, jirrikonoxxu Stat tal-Palestina…Dan waqt li Iżrael, min-naħa tiegħu, qed ikompli jikkundanna dawn it-tipi ta’ stqarrijiet.