Għajnejn id-dinja, għada l-Ġimgħa, se jkunu fuq il-laqgħa wiċċ-imb-wiċċ li se ssir fl-Alaska bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin…Laqgħa fejn il-konflitt tal-Ukrajna għandu jingħata prominenza massima u meta Trump jinsab determinat li jikseb il-garanziji mingħand Putin biex iwaqqaf il-ġlied li ilu għaddej mill-2022 fl-artijiet tal-Ukreni.
Intant, fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer, iltaqa’, f’Downing Street (f’Londra), mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky…Dan meta Zelensky hu eskluż mil-laqgħa ta’ Alaska minkejja li d-destin ta’ pajjiżu jiddependi proprju minn dak li jista’ jirriżulta mit-taħditiet bejn Trump u Putin.
U wara l-laqgħa ma’ Zelensky, Starmer, waqt il-kummenti lill-istampa, qal li l-aktar ħaġa importanti relatata mal-laqgħa tal-Alaska hi li Vladimir Putin juri b’mod konkret li hu serju dwar il-paċi wara daqstant snin ta’ ostilitajiet.
Intant, il-laqgħa tal-bieraħ bejn Starmer u Zelensky saret bħala ‘turija importanti ta’ solidarjetà għall-Ukreni min-naħa tal-Britanniċi’.
Fl-istess ħin, Keir Starmer faħħar ‘l-isforzi sinċiera ta’ Donald Trump biex itemm il-gwerra tal-Ukrajna’…Stqarrija li ħarġet fl-istess ħin ta’ stqarrija minn Moska li sempliċiment sostniet li ‘il-Presidenti Putin u Trump kienu qed jippreparaw biex jiddiskutu b’mod dirett is-sitwazzjoni tal-Ukrajna’.
Wieħed, issa, irid jara kemm Donald Trump jinsab lest tassew biex jimponi s-sanzjonijiet ġodda u sinifikanti għar-Russja f’każ li Vladimir Putin jibqa’ jinsisti bl-offensiva fuq l-Ukrajna. Trump,fl-aħħar sigħat, għamilha ċara mal-Mexxejja tal-Ewropa li jkun hemm ‘il-konsegwenzi serji ħafna għar-Russja’ f’każ li Putin jippersisti fit-triq tal-gwerra.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat ukoll, il-qawwiet Russi sparaw mill-ġdid burraxka ta’ missili fuq il-belt Ukrena ta’ Kharkiv waqt li l-Ukreni sparaw l-għexieren tad-drones lejn l-ibliet ta’ Volgograd u Belgorod, lejn in-naħa t’isfel tar-Russja.
Laqgħat ta’ solidarjetà mal-Ukrajna
Il-laqgħa bejn Starmer u Zelensky kienet l-aħħar f’sensiela ta’ laqgħat organizzati mill-potenzi tal-Ewropa bil-ħsieb li jenfasizzaw is-solidarjetà mal-Ukrajna…Laqgħat impenjati biex iwasslu proprju dan il-messaġġ lil Vladimir Putin u daqstant ieħor lil Donald Trump.
Fil-fatt, id-diplomati Ewropej, bħala ‘buildup’ għal-laqgħa tallum, f’Alaska, fasslu sensiela ta’ taħditiet ewlenin li fihom spikkat laqgħa għall-konsulenti dwar is-sigurtà nazzjonali li kienet organizzata fir-residenza tas-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Lammy.
Ta sinifikat ukoll hu l-fatt l-laqgħa ta’ jiem ilu saret waqt żjara privata tal-Viċi-President Amerikan, JD Vance, fir-Renju Unit – u meta inklużi fit-taħditiet kien hemm il-Ministru tad-Difiża Ukren, Rustem Umerov u l-Konsulent Ewlieni għall-Presidenza Ukrena, Andrii Yermak. Għal-laqgħa kien hemm anki kollegamenti telefoniċi mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio u r-Rappreżentant Speċjali tal-President Trump, Steve Witkoff.
Jerġa’ aktar importanti, imbagħad, kienet is-sensiela ta’ taħditiet fuq l-istess livell li saru dwar l-Ukrajna nhar l-Erbgħa – u fost il-kollegamenti telefoniċi li kienu jinkludu taħdita bejn il-Presidenti Trump u Zelensky…..Taħdita li x’aktarx ma kenitx issir mingħajr l-insistenza tal-Alleati Ewropej tal-Ukrajna.
Sadanittant, diffiċli biex wieħed jaċċerta ruħu li l-isforzi diplomatiċi se jwasslu tassew għal riżultat pożittiv u konkret f’Alaska…Madankollu, diversi sorsi qrib is-servizzi sigrieti tal-Punent huma ‘impressjonati’ bl-isforzi tal-Ewropa biex tikkonsolida r-reputazzjoni tagħha bħala protagonista għall-paċi.
Dan ukoll meta l-Ewropa qed tenfasizza l-potenzjal tal-‘konsegwenzi’ f’każ li ma twassal imkien il-laqgħa tallum bejn Trump u Putin.
Fl-istess ħin, l-Ewropa tinsab determinata biex iżżid l-għajnuna lill-Ukrajna minn aspett militari u daqstant ieħor ekonomiku…. Fil-fatt, l-osservaturi jemmnu li r-rieda tal-Ewropej tant hi kbira li l-Ewropa, ‘il quddiem, se tkun tista’ tikkontribwixxi din l-għajnuna fuq l-istess livell ta’ appoġġ li l-Istati Uniti kontribwiet lill-Ukrajna fl-aħħar snin.
//= $special ?>