Għal darb’oħra, ix-xahar ta’ Lulju ġab miegħu taħlita ta’ temperaturi għolja u sħana tremenda iżda anke intervalli ta’ riħ qawwi mill-Majjistral li qalleb il-baħar u ħarbtu xi ftit jew wisq il-pjanijiet tad-dilettanti tal-armar tal-festi, fl-eqqel tal-istaġun.
Fil-fatt, it-temperatura medja matul ix-xahar ta’ Lulju kienet dik ta’ 28.4°C, jiġifieri 1.5°C ogħla min-norma klimatika (26.9°C). Kemm it-temperatura medja massima (33.2°C) u t-temperatura medja minima (23.7°C) kienu aktar sħan min-normi rispettivi tax-xahar. Bla dubju ta’ xejn, l-aktar jiem sħan kienu dawk tat-tieni nofs tax-xahar, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ anke twissijiet ħomor – l-ogħla grad ta’ twissija – biex jinforma lill-pubbliku dwar it-temperaturi estremi li f’xi jiem qabżu l-40°C.
L-aktar jum sħun kien dak tat-22 ta’ Lulju, meta l-merkurju tela’ għal 40.5°C, bl-inqas temperatura – jiġifieri dik ta’ 21.4°C – titkejjel fil-11 ta’ Lulju. Anke jekk bosta jfittxu l-baħar biex jiffriskaw, matul dan ix-xahar it-temperatura tiegħu kienet ogħla min-norma klimatika b’2.2°C, għal 27.4°C.
Xi ġranet, partikolarment madwar it-Tieni Ħadd u lejn l-aħħar tax-xahar, ir-riħ mill-Majjistral ġab miegħu ftit tan-nifs u niżżel it-temperaturi. Għalkemm ir-riħ f’Lulju mhuwiex xi ħaġa rari, ix-xahar li għadda kien aktar mirjieħ min-norma, bil-qawwa medja tar-riħ kienet dik ta’ 8.3knots. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet fit-28 ta’ Lulju mill-Punent Majjiistru u kejlet 36 knot.
Jekk Lulju ħalla l-uċuħ tar-raba’ kompletament bil-għatx, wieħed jistenna li f’Awwissu, l-għerejjex ta’ Santa Marija jisquhom xi ftit. Fil-fatt, għal tmiem il-ġimgħa twil ta’ Santa Marija, meta bosta jkunu bil-btajjel, it-tbassir tat-temp qed jindika possibbilità ta’ ħalbiet iżolati tax-xita għall-Ħadd.
Id-dilettanti tal-festi fl-irħula li jiċċelebraw lil Santa Marija jistgħu jserrħu rashom għax it-temp mistenni jibqa’ sħun u xemxi sas-Sibt 16 ta’ Awwissu, meta t-temp mistenni jkun xemxi u sħun, bl-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 34°C.
Minkejja t-temp xi ftit jew wisq imsaħħab u l-possibilità tax-xita, it-temperaturi mistennija jvarjaw bejn 24°C u 32°C nhar il-Ħadd.
//= $special ?>