MARSAXLOKK MFF…………… 19
TA’ XBIEX AMIGOS……………. 14
(3-5), (5-4), (6-3), (5-2)
B’wirja pożittiva fit-tieni parti tal-logħba, Marsaxlokk MFF huma r-rebbieħa tal-BOV Knock-Out tal-Ewwel Diviżjoni. Ta’ Xbiex taw dak li kellhom iżda d-differenza fil-kwalità kienet il-fattur ewlieni fir-riżultat finali. Filwaqt li għal Ta’ Xbiex l-istaġun tas-sajf jintemm hawn, Marsaxlokk jibdew favoriti netti li jirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Ta’ Xbiex ħasdu lill-avversarji u fetħu tliet gowls vantaġġ. Marsaxlokk wieġbu fl-aħħar żewġ minuti iżda Roko Pelicaric żamm lil Ta’ Xbiex 5-3 minn fuq. It-tim ta’ Sergio Afric baqa’ fil-vantaġġ għal ħafna mit-tieni sessjoni, b’eċċezzjoni ta’ meta Benji Lewis għamel l-iskor 7-7. Francesco Scardino u Nathan Bonavia skorjaw għal Ta’ Xbiex iżda Max Lanzon reġa’ naqqas id-distakk.
Dan il-gowl bħal donnu stimola lix-Xlukkajri u fil-bidu tat-tielet sessjoni, marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ b’doppjetta ta’ Max Lanzon u gowl ta’ Nikola Bogdanovic għal 11-9. Ta’ Xbiex rreaġixxew u għamlu r-riżultat 12-11 b’madwar tliet minuti minn tmiem is-sessjoni iżda Bogdanovic skorja darbtejn oħra biex Marsaxlokk bdew l-aħħar sessjoni fil-vantaġġ.
Marsaxlokk għalqu l-logħba bi tliet gowls oħra fl-ewwel kwart tas-sessjoni permezz ta’ Max Lanzon, Andreas Fava u Nikola Bogdanovic. Huma setgħu jikkontrollaw il-kumplament tas-sessjoni għal dik li spiċċat bħala rebħa komda. Wara l-logħba, il-Kap tal-Operat tal-BOV Ernest Agius flimkien mal-President tal-ASA Karl Izzo ppreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Marsaxlokk Ryan Galea.
Marsaxlokk: J. Micallef, M. Lanzon (6), N. Bogdanovic (6), Z. Cutajar Licari, R. Spiteri (1), L. Montebello Brownrigg, S. Mifsud, J. Pawley, R. Galea (1), J. Borg Tabone (1), A. Fava (1), A. Cook (2), M. Brimmer, B. Lewis (1)
Ta’ Xbiex: T. Schembri, J. Farrugia, A. Camenzuli, L. Grech Carr (1), J. Zammit, M. Manara, F. Scardino (1), R. Pelicaric (7), N. Bonavia (2), J. Culic (3), C. Busuttil, A. Theuma, T.J. Mifsud
Referees: William Isaja, Alex de Raffaele
//= $special ?>