Erba’ t’ijiem wara t-telfa kbira ta’ 6-0 kontra Catania, f’dik li kienet l-aħħar logħba ta’ ħbiberija li kellhom skedata Valletta qabel il-bidu tal-Malta Premier, il-bieraħ tkellem għall-ewwel darba dwar dan ir-riżultat u l-prestazzjoni tal-plejers tiegħu, il-kowċ ta’ Valletta, Thane Micallef.
F’konferenza stampa organizzata mill-MPL, qabel il-logħba tal-ġimgħa minn match day tal-Kampjonat bejn Valletta u Birkirkara, li se tkun qed tintlagħab nhar is-Sibt li ġej, il-kowċ żagħżugħ Belti, ma ħebax wara ebda skuża biex jiġġustifika t-telfa umiljanti li ġarrab it-tim tiegħu f’Stadio Angelo Massimino.
Micallef esprima d-diżappunt tiegħu lejn ir-riżultat finali iżda żied jgħid li jkun żball jekk wieħed iħares lejn ir-riżultat mingħajr ma jieħu l-kuntest kollu li kien marbut ma’ din il-logħna.
“Meta wieħed ikun qed jipprepara għal dawn it-tip ta’ partiti qabel il-bidu ta’ staġun ġdid, l-objettiv primarju ma jkunx ir-riżultat u r-rebħ, iżda li tilħaq ċertu kundizzjoni fiżika, li tagħti ammont ta’ minuti lill-plejers tiegħek biex jilgħabu u li nilħqu livell għoli ta’ intensitá, wisq aktar meta l-avversasrji li tkun qed tilgħab kontra tagħhom ikunu aħjar minnek. Il-livell ta’ intensitá li lagħbna fiha kontra Cataniam nemmen li għandha tkun ta’ għajnuna għalina bħala tim, fil-preparazzjoni tagħna għall-ewwel logħba tal-Kampjonat, kontra Birkirkara,” spjega kowċ Micallef.
Il-kowċ ta’ 40 sena, fakkar li l-avversaraji tagħhom għall-partita ta’ nhar is-Sibt li ġej, Birkirkara, dan is-sajf kellhom iċ-ċans jilgħabu fl-Ewropa, f’żewġ partiti ta’ intensitá għolja u fuq ħaxix naturali “għaldaqstant għalina bħala Valletta kien importanti li qabel l-ewwel logħba kontra Birkirkara, nilgħabu konfront ta’ ħbiberija b’intensitá għolja iżda fuq kollox nieħdu l-opportunitá li bħala skwadra ta’ plejers, inkunu miġbura flimkien għal ftit jiem.”
Minkejja r-riżultat negattiv kontra Catania, Micallef jemmen li din il-logħba għandha tħalli l-frott tagħha biex għall-ewwel logħba tal-Malta Premier, kontra Birkirkara, Valletta jkunu fl-aħjar kundizzjoni possibli biex jaffrontaw tim diffiċli li fl-istaġun li għadda kien logħba biss ‘il bogħod milli jirbaħ l-akbar żewġ unuri tal-futbol Malti, il-Kampjonat u l-FA Trophy.
Micallef saħaq li l-atmosfera fil-klann ta’ Valletta, lejlet il-bidu tal-Malta Premier, li se jkun qed jara lill-Beltin jirritornaw jilgħabu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti wara staġun fiċ-Challenge League, hi waħda pożittiva ferm.
“Jeħtieġ li nkunu kburin bħala tim tax-xogħol li rrnexxilna nagħmlu flimkien l-istaġun li għadda, u li permezz tiegħu ksibna l-promozzjoni bħala champions għall-Malta Premier, kif ukoll tax-xogħol li għamilna matul dan is-sajf biex f’dan l-istaġun il-ġdid, Valletta għadna skwadra kompetittiva,” temm jgħid il-kowċ ta’ Valletta.
//= $special ?>