minn Charles Buttigieg
Fil-gżejjer Maltin, il-15 ta’ Awwissu jfakkarna ħafna, bħala poplu, fl-għodwa tas-sena 1942 meta wasal Malta dak li hu magħruf bħala ‘Il-Konvoj ta’ Santa Marija’, li tant kien importanti għal niesna biex fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija jieħdu xi ftit tan-nifs fit-tbatija kbira u kontinwa li kienu għaddejjin minnha.
Ġrajja oħra marbuta mat-Tieni Gwerra Dinjija li seħħet fil-15 ta’ Awwissu ta’ 80 sena ilu, kienet waħda li ferrħet lil bosta popli, imma li warajha kien hemm prezz ferm qares ta’ telf enormi ta’ ħajjiet umani, qerda u ħerba.
Nifhem ngħid għal meta, f’nofsinhar (ħin normali Ġappuniż) tal-15 ta’ Awwissu, 1945, l-Imperatur Hirohito tal-Ġappun indirizza għall-ewwel darba lill-poplu tiegħu permezz tar-radju u qralhom id-Dikjarazzjoni ta’ Tmiem il-Gwerra.
L-Imperatur Hirohito kellem lill-poplu tiegħu fi żmien meta l-Ġappun kien tniżżel għarkupptejh, bl-ibbumbardjar atomiku li sar mill-Amerikani fuq il-bliet ta’ Hiroshima u Nagasaki.
Skont tagħrif Amerikan, l-effetti immedjati tal-isplużjoni qatlu madwar 70,000 ruħ f’Hiroshima u 40,000 f’Nagasaki. Biss hu stmat li l-għadd ta’ nies li mietu kaġun ta’ ħruq, radjazzjoni u mard imnissel mill-isplużjonijiet atomiċi, għal xi żmien imrewħin ukoll minn nuqqas ta’ riżorsi mediċi suffiċjenti, kompla jikber sena wara l-oħra.
“Huwa skont dak li qed jiddettaw iż-żmien u d-destin,” qal Hirohito lin-nies tiegħu fix-xandira storika tal-15 ta’ Awwissu, “li aħna ddeċidejna li niftħu t-triq għal paċi kbira għall-ġenerazzjonijiet kollha li għad iridu jiġu billi nissapportu l-insapportabbli u nsofru dak li mhux sofferibbli.”
Hiroshima u Nagasaki jibqgħu xhieda tal-waħx li tfisser splużjoni atomika.
L-orrur ta’ Auschwitz
Din is-sena huwa wkoll is-70 anniversarju minn meta l-qawwiet Sovjetiċi, fis-27 ta’ Jannar 1945, ħelsu minn ħalq il-mewt lil dawk li kien għad fadal ħajjin fil-Kamp ta’ Konċentrament ta’ Auschwitz, fil-Polonja.
Jekk ikollok l-okkażjoni żżur dan is-sit ta’ orrur bi ħsieb li tirrifletti, darba tirfes ’il ġewwa mill-ġradi tal-ħadid li fuqhom hemm il-motto Arbeit macht frei (Ix-xogħol jagħmlek ħieles), motto li fih innifsu hu sabiħ imma li n-Naziżmu użah għal skopijiet mill-iżjed imxajtna, ma tistax ma tħossokx tidħol f’qoxortok. Issir taf kif hemm, lista enormi ta’ nies kienu maħqurin u maqtulin minn ideoloġija maqtugħa minn kull sens ta’ Alla u għożża vera tal-ħajja umana. Tħoss madwarek ħemda li fiha bħal tkun trid tistaqsi lill-Ħallieq: ‘Mulej, fejn kont? Għaliex bqajt sieket?”
Hemmhekk, u wara f’Birkenau, tħossok trid tingħaqad mal-Papa Pawlu VI fil-karba storika tiegħu ta’ “Qatt iżjed gwerra”; appell li huwa għamel sittin sena ilu, fl-1965, fl-ewwel okkażjoni li fiha Papa indirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Fi żjara li għamel f’Auschwitz fit-28 ta’ Mejju 2006, il-Papa Benedittu XVI sejjaħlu bħala post “tat-tkexkix”, li fih seħħew delitti tal-massa, kontra Alla u kontra l-bniedem, li bħalhom qatt ma kien instema’.
Dakinhar, il-Papa Benedittu għamel ukoll riflessjoni qawwija ħafna.
Huwa rrefera l-ewwel għaż-żjara li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel f’dak il-post fl-1979 bħala Kap tal-Knisja Kattolika, imma wkoll bħala iben il-Poplu Pollakk li, flimkien mal-poplu Lhudi, bata l-aktar kemm f’Auschwitz kif ukoll b’mod ġenerali tul il-gwerra dinjija.
Benedittu XVI fakkar li hemmhekk, il-Papa li twieled f’poplu li fit-Tieni Gwerra Dinjija tilef sitt miljun ruħ, wieħed minn kull ħamsa tal-ġens, sejjaħ għar-rispett tal-jeddijiet tal-bniedem.
“Jiena ġejt hawn illum bħala iben il-poplu Ġermaniż,” qal Benedittu XVI. “Għalija huwa dmir quddiem Alla, li niġi hawn bħala s-suċċessur ta’ Ġwanni Pawlu II u bin il-poplu Ġermaniż – iben dak il-poplu li nħakem minn ċirku ta’ kriminali wara wegħdiet foloz ta’ futur ta’ kobor u ta’ ksib mill-ġdid tal-ġieh tan-nazzjon, prominenza u prosperità, imma wkoll bit-terrur u intimidazzjoni, bir-riżultat li l-poplu tagħna kien użat u abbużat bħala strument tal-kilba li kellhom għall-qerda u għall-poter.”
Auschwitz, flimkien ma’ tant kampijiet ta’ konċentrament oħrajn, jibqa’ simbolu orribbli qawwi tal-effetti tat-totalitarjaniżmu u l-Golgota tad-dinja moderna.
Ġwanni Pawlu II qal li d-dinja, u b’mod partikolari l-Ewropa, imxew lejn il-katastrofija enormi tat-Tieni Gwerra Dinjija għaliex kienu tilfu l-qawwa morali meħtieġa biex jopponu dak kollu li kien qed jimbuttahom lejn it-tempesta terribbli tal-gwerra. Dan għaliex it-totalitarjaniżmu jeqred il-libertajiet fundamentali u jgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-bniedem.
Riflessjonijiet
Fit-tmiem tal-kalamita terribbli li kienet tfisser it-Tieni Gwerra Dinjija, li miegħu twieldet ix-xewqa li tinbena Ewropa aħjar mibnija fuq is-sisien tad-demokrazija u l-paċi, insibu ħafna x’nirrriflettu dwaru.
It-Tieni Gwerra Dinjija ma kenitx biss ġrajja storika mill-akbar. Hija mmarkat ukoll direzzjoni ġdida għall-umanità ta’ żmienna. Hu għalhekk importanti li fil-medda taż-żmien, il-memorji tal-gwerra jibqgħu lezzjoni qawwija għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.
L-esperjenza traġika tas-snin 1939-1945 jirrappreżentaw punt ta’ riferenza li ma jistax jitqiegħed fil-ġenb minn dawk li verament jixtiequ jirriflettu fuq ir-realtà preżenti tal-umanità u kif hija għandha tħares lejn il-ġejjieni.
Li wieħed jiftakar fl-imgħoddi jgħinu jimpenja ruħu għall-ġejjieni. Li wieħed jiftakar f’Hirosimha u Auschwitz jgħinu jistmerr il-gwerra, speċjalment il-gwerra nukleari. Li wieħed jiftakar f’Auschwitz jgħinu jifhem dejjem aħjar kemm hu importanti li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem f’kull żmien u kullimkien. Li wieħed jiftakar f’Hirosimha u Auschwitz flimkien jgħinu jikkommetti ruħu għall-paċi u l-ġustizzja, biex iġedded il-fiduċja tiegħu fil-bniedem, biex jinbena aktar fil-ħila tiegħu li jagħmel dak li hu tajjeb u ta’ gid, biex jissaħħaħ fil-libertà tiegħu li jagħżel dak li hu sewwa.
Ġrieħi tal-lum
Il-mistoqsija fundamentali hija, però: Kemm qed nuru li tgħallimna, bħala umanità?
Il-qalba tat-tweġiba nsibuha fil-ġrieħi tal-ġrajjiet terribbli li qed jgħaddu minnhom il-vittmi tal-gwerer tal-lum:
• fl-Ukrajna, minħabba l-invażjoni kiesħa u bierda tar-Russja, fejn wara tliet snin u nofs ta’ attakki, tant nies innoċenti issa qed jgħaddu wkoll minn mewġiet vasti u koordinati, ta’ attakki Russi mill-ajru, bl-użu ta’ mijiet ta’ drones u missili, spiss konċentrati fuq belt waħda;
• fil-Palestina, fejn attakk insensat tal-Ħamas f’Ottubru 2003, qanqal kontrih gwerra qalila minn Iżrael; gwerra li fiha l-mexxejja ta’ dan il-poplu, li jafu sew minn xiex għaddew nieshom fit-Tieni Gwerra Dinjija minħabba l-għamad tan-Naziżmu, bl-aġir tagħhom qed jikkaġunaw il-mewt ta’ eluf ta’ nies innoċenti, inklużi bosta tfal, li qed jinqatlu b’mod krudil taħt l-attakki jew bil-ġuh;
• fis-Sudan, fejn gwerra li bdiet fl-2003 bejn l-armata Sudaniża u r-Rapid Support Forces (RSF), qed tikkaġuna lista devastanti ta’ vittmi ċivili, saħansitra bi vjolenza sesswali mill-agħar immirata kontra nisa u bniet minn etniċitajiet speċifiċi.
• Sadanittant, disa’ pajjiżi għandhom ħażniet ta’ armi nukleari: l-Istati Uniti, ir-Russja, Franza, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, il-Pakistan, l-Indja, Iżrael, u l-Korea ta’ Fuq. B’kollox teżisti ħażna globali ta’ madwar 13,000 arma nukleari li, għal raġunijiet ovvji, jippreżentaw theddida fundamentali għall-umanità.

Illum disa’ pajjiżi għandhom ħażniet ta’ armi nukleari
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 14 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>