minn Mark A. Sammut Sassi
Malta kif qed naraha
Malta f’dal-mument għandha żewġ uċuħ. Mhux fis-sens ta’ faċċoliżmu. Imma fis-sens ta’ identità: Malta li qed timpala l-liri, bi tkabbir ekonomiku straxxnat. U Malta li sejra lura bħal granċ. M’hemmx kontradizzjoni bejn dat-tnejn, anzi jimxu id f’id. Għax it-tkabbir ekonomiku straxxnat jitfa’ l-flus fi bwiet uħud u fl-istess waqt lill-pajjiż jgħejjih.
Dal-aħħar f’waħda mill-gazzetti bl-Ingliż, ġie intervistat professur partikolari li qal li l-Maltin tant huma mħabbtin jagħmlu l-flus li m’għandhomx ħin jagħmlu t-tfal. Qbilt mal-bqija li qal, imma dwar din le. Għax ftit huma dawk li fl-età li jistgħu jagħmlu t-tfal għandhom il-kapital biex jibdew xi tip ta’ attività li tqegħidhom fil-pożizzjoni li jistgħu jgħidu li huma mħabbtin jagħmlu l-flus.
Il-verità hi li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ maqbudin fil-morsa tas-suq tal-bini, li hu suq bla ħniena. Il-prezz tal-bini kiber b’125% mill-2013 ’il hawn. Jiġifieri jekk kont tixtri post b’€150,000 fl-2013 issa trid €337,500 biex tixtrih! Lanqas hemm bżonn inħarsu lejn l-istatistika biex inkunu nafu li mill-2013 ’il hawn, il-pagi ma żdidux b’125%!
Iż-żgħażagħ ma jifilħux – mhux ma jridux – jagħmlu t-tfal, għax m’għandhomx flus f’idejhom, is-suq tal-bini jfarrakhom. Il-problema mhix faċli biex tħollha. Fl-1944 u fl-1945 twieldu għadd akbar mis-soltu ta’ trabi. Barra minn hekk, il-familji ta’ dari kienu jkunu ta’ 7, 8 ġieli anki 10 ulied. Dawk imbagħad meta ġew huma biex jildu, kellhom żewġ ulied jew tlieta. Imma dir-riduzzjoni fil-għadd ta’ wlied ma ġabitx tnaqqis fid-domanda. Bl-avvanzi fil-mediċina, in-nies bdiet tgħix aktar u ħafna djar baqgħu okkupati mis-sidien tagħhom ormaj anzjani, u ma kienx hemm stokk biżżejjed għaż-żgħażagħ. Sadattant, hekk kif qed titnaqqa l-ġenerazzjoni l-antika, hemm possibbiltà kbira li nispiċċaw b’għadd enormi ta’ bini vojt.
Għal dil-problema ngħatat is-soluzzjoni tal-influss ta’ ħaddiema barranin, l-aktar mit-Tielet Dinja. Dawn ikunu jridu jikru, billi lanqas jekk iridu ma jistgħu jixtru. U dis-soluzzjoni żammet is-suq għaddej. Il-mistoqsija hi: kemm se jdum għaddej? U x’se jkun il-prezz li l-pajjiż se jkollu jħallas biex is-suq baqa’ għaddej? F’termini ta’ relazzjonijiet soċjali, imma wkoll ta’ standards.
B’xorti ħażina, ħafna (mhux kollha) mill-barranin li jkunu ġejjin mit-Tielet Dinja jġibu magħhom il-kultura tagħhom. Din bil-qajl il-qajl se tispiċċa tmermer il-kultura tagħna. Li ġa kienet kultura mhux dixxiplinata minnha nfisha. B’dat-taħliet kulturali, ma’ min hu ġej minn pajjiżi fejn l-istat hu dgħajjef, id-dixxiplina tkompli tinxtorob. Min jagħmilha maz-zopp…
Għandna Malta b’taħlit kulturali li ħadd ma kien imħejji għalih u bi stress enormi fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, u mingħajr viżjoni ċara ta’ x’alternattivi hemm. Donnu kulħadd aċċetta li issa li qbadna t-triq li nsiru pajjiż tat-Tielet Dinja, m’hemmx mod kif nerġgħu lura. U kif nafu, għan-niżla kull qaddis jgħin.
Kieku flok ħaddiema mit-Tielet Dinja – li huma priża faċli għall-isfruttament – inġiebu ħaddiema mil-Unjoni Ewropea, kieku dawn iġibu magħhom il-kultura tagħhom, aktar dixxiplinata minn tagħna, li tibda tagħmel pressjoni fuq id-dipartimenti tal-Gvern ħalli tittaffa l-burokrazija żejda u bil-mod il-mod jitjieb is-servizz.
Malta kif nixtieq naraha
1. Kulħadd jitħallas indaqs għall-istess xogħol
Il-ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-fatt spreġevoli li n-nisa impjegati fil-Korp tal-Pulizija jitħallsu anqas mill-irġiel fl-istess rang, kif jirriżulta minn statistika Ewropea. Matul dil-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-Ombudsman sab li l-għalliema magħrufin bħala supply teachers qed jitħallsu anqas minn għalliema oħrajn minkejja li jagħmlu l-istess xogħol. Irrid nara Malta fejn kulħadd jitħallas indaqs għall-istess xogħol.
2. Malta terġa’ tibda tisbieħ
Malta u Għawdex kienu żewġ ġawhriet fil-Mediterran. Għadhomx jew le hu dibattibbli. Jien nixtieq Malta li fiha l-arkitettura timxi ma’ standards u regoli tal-estetika li ma jweġġgħux ir-ras imma li jpaxxu l-għajn. Mhux aktar blokok koroh, bla ruħ u bla karattru, imma binjiet sbieħ, bil-lavur, li jelevaw l-ispirtu. Irrid nara lil Malta terġa’ tibda tisbieħ.
3. Ħajja protetta mill-ġuf sal-mewt naturali
Forsi nkunu l-uniku pajjiż fid-dinja? B’daqshekk? Jien irrid nara Malta li fiha l-ħajja tkun protetta mill-konċepiment sal-mewt naturali. Mingħajr eċċezzjonijiet.
4. Ippjanar urban aktar għaqli
Fil-qilla tas-sajf, il-konkrit u l-ġebel ta’ kull tip ma’ kullimkien jintrappolaw fihom is-sħana, isiru dak li bl-Ingliż jgħidulhom heat traps. Jinħolqu “gżejjer ta’ sħana urbana” fejn ikun hemm il-bini u fejn ma jkunx hemm biżżejjed siġar u ftuħ. Malta teħtieġ aktar siġar u aktar spazji miftuħin fl-abitat, ħalli t-temperaturi jinżlu. Nixtieq nara Malta b’ippjanar urban aktar għaqli.
5. Iżolazzjoni mentali
B’differenza mill-pajjiżi kważi l-oħrajn kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta hi miftuma mill-bqija tal-kontinent. Fil-kontinent, taqbad il-karozza jew it-tren u tista’ tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor. Jew jekk tkun tgħix f’belt żgħira jew f’raħal, tista’ tmur f’belt kbira. Aħna l-Maltin biex nagħmlu dan irridu naqbdu l-ajruplan. Aħna mhux mawriet għandna, imma safriet. U dan iġib l-iżolazzjoni mentali. Nemmen li l-Gvern għandu jissussidja t-trasport għal Katanja, li hi l-eqreb belt kbira li għandna, ħalli l-Maltin ikunu jistgħu jesperjenzaw belt kbira ta’ sikwit.
6. Kultura favur il-konsumatur
Il-Gvern adotta dil-politika stramba li jsejjaħ liċ-ċittadini li jmorru fid-dipartimenti tiegħu biex jinqdew, “Klijenti” jew “Konsumaturi”. Tant li ħafna dipartimenti għandhom il-Customer Care Unit. Lili ġa ddejjaqni din li minflok ma jien ittrattat ta’ ċittadin, jien ittrattat ta’ konsumatur. Konsumatur għandu l-għażla tas-suq, ċittadin għandu rabta speċjali mal-Istat. Hu x’inhu, minkejja dad-diskors ta’ “konsumatur” u “klijent” u x’naf jien, is-servizz li ningħataw hu pessmu. Mhux biss mill-Gvern. Il-Kamra tal-Kummerċ – li xi kultant ngħid huma l-uniċi li verament qed jaraw l-affarijiet kif inhuma – f’Settembru li għadda ħarġu r-riżultat ta’ stħarriġ li wera li f’Malta hi nieqsa l-“kultura tal-esperjenza tal-konsumatur”. Intom araw kif tiġu trattati, u ddeċiedu fil-qalb ta’ qalbkom jekk intomx ittrattati sew jew le. Nixtieq nara Malta li jkollha kultura favur il-konsumatur.
Xi darb’oħra, inkompli aktar dwar das-suġġetti.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis l-14 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>