Sport Waterpolo

San Ġiljan fi klassi għalihom b’wirja dominanti fil-finali tan-Knock-Out tal-Kampjonat Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN……… 16

NEPTUNES BEST GYMS………….. 10

(7-1), (2-2), (5-4), (2-3)

Sempliċiment kienu fi klassi għalihom. San Ġiljan MAA Daikin iddominaw dik li kellha tkun finali missielta u rebħu l-BOV Knock-Out tal-Kampjonat Premier wara assenza ta’ sena. Din kienet id-disa’ knock-out mirbuħa fl-aħħar 11-il sena jew aħjar kull knock-out mirbuħa mill-2015 b’eċċezzjoni tal-2019 u s-sena l-oħra.

Din il-logħba kellha sservi ta’ preludju għall-finali tal-play-off għar-rebħ tal-Kampjonat Premier iżda bil-mod kif żvolġiet il-logħba, il-kowċ ta’ Neptunes Aleksander Ciric għandu biċċa xogħol iebsa biex jipprepara lit-tim u jsolvi l-problemi li t-tim sab ma’ wiċċu f’din il-logħba.

Neptunes kienu prattikament ineżistenti ħlief għal mumenti żgħar. Gergo Zalanki ddiżappunta, Stevie Camilleri kien imrażżan tajjeb u qatt ma laħqu mal-ħeffa u l-pressjoni tal-avversarji. Dan il-konfront kien simili għal dak tat-2 ta’ Lulju li għadda meta dakinhar San Ġiljan rebħu 17-10 u minn erba’ konfronti dan is-sajf, San Ġiljan issa rebħu tlieta u Neptunes rebħu l-ewwel logħba fit-Tazza tal-President bl-għoti tal-penalties.

Darren Zammit fetaħ l-iskor kmieni fil-logħba iżda Sam Gialanze wieġeb mill-ewwel. Madankollu din kienet l-unika darba li ż-żewġ timijiet kienu fil-qrib hekk kif San Ġiljan skorjaw sitt gowls konsekuttivi sa tmiem is-sessjoni għal vantaġġ komdu ta’ 7-1.

Dan id-distakk ta mill-ewwel direzzjoni ta’ fejn sejra l-logħba. Jeremy Abela u Russell Caruana kabbru l-vantaġġ fl-ewwel nofs tat-tieni sessjoni, b’Alec Fenech u Gergo Zalanki naqqsu d-distakk għal 9-3.

Għalkemm kienet diġà kważi impossibbli, dawn il-gowls setgħu jagħtu xaqq ta’ tama lil Neptunes meta kien għad fadal nofs sessjoni. F’żewġ okkażjonijiet, Neptunes wieġbu wara l-gowls tal-avversarji u reġgħu għamlu l-istess wara li l-gowl ta’ Aaron Younger u ieħor mill-isbaħ ta’ Darren Zammit kabbru l-vantaġġ għal 13-5. Il-captain Matthew Zammit żied ieħor għal 14-7.

Għalkemm il-logħba kienet magħluqa, San Ġiljan kellhom mument żgħir ta’ rilassament u wassal biex Neptunes naqqsu d-distakk għal ħames gowls. Matthew Zammit skorja t-tieni gowl personali, b’Nikolai Zammit żied ieħor hekk kif il-penalty ta’ Stevie Camilleri serva biss bħala konsolazzjoni.

L-aħħar minuti tal-logħba servew biss biex San Ġiljan jippreparaw jiċċelebraw. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit irċieva t-trofew mingħand il-Kap tal-Operat tal-BOV Ernest Agius akkumpanjat mill-President tal-ASA Karl Izzo.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully (2), R. Caruana (1), A. Younger (3), M. Zammit (2), J. Bonavia (2), B. Plumpton (1), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit (2), N. Schiavone, Z. Attard, G. Bonavia

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (2), G. Zalanki (2), L. Mallia, J. Camilleri (3), J. Valletta, S. Camilleri (2), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada, A. Fenech (1), M. Azzopardi, M. Rossi, E. Mallia

Referees: Andrea Zedda, Massimo Angileri