Żagħżugħ Olandiż ta’ 24 sena, Stef Boiler, ġie kundannat tliet snin ħabs effettivi u multa ta’ €3,000 wara li ammetta l-ħtija f’diversi akkużi serji relatati mad-droga, fosthom importazzjoni ta’ reżina tal-cannabis, pussess ta’ cocaine u ecstasy, kif ukoll reati oħrajn bħal sewqan perikoluż u użu ħażin ta’ netwerk elettroniku. Huwa kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Olandiż ieħor u Belġjan b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-każ seħħ f’Ottubru tas-sena li għaddiet, meta Boiler ġie arrestat f’ċirkostanzi li jindikaw li kien qed jipprova jdaħħal droga f’Malta mhux għall-użu personali. Huwa kien akkużat li għamel ftehim ma’ persuni oħra, kemm ġewwa kif ukoll barra minn Malta, sabiex jimporta u jiddistribwixxi d-droga.
L-ammont ta’ droga involuta kien sostanzjali, u l-prosekuzzjoni qalet li kieku ma ġietx interċettata, setgħet wasslet għal distribuzzjoni mifruxa fis-suq illegali tad-droga fil-gżejjer Maltin. L-ammont ta’ droga nvoluta kien jinkludi madwar 500 gramma ‘cannabis resin’ b’purità ta’ 15.5%, aktar minn 60 gramma ta’ cannabis fil-forma ta’ grass u reżina, 17-il pillola ecstasy, kif ukoll madwar 2.8 gramma ta’ kokaina b’purità ta’ kważi 40%. Dawn il-kwantitajiet u l-livelli ta’ purità kienu fatturi aggravanti li l-Qorti ħadet bis-serjetà.
l-prosekuzzjoni spjegat li fl-4 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra kien daħal rapport mid-Dwana lill-Pulizija dwar pakkett suspettuż, li nstab li kien fih mal-500g reżina tal-kannabis, b’valur fis-suq ta’ madwar €5,000. Mal-20 ġurnata wara, mar jiġbru wieħed mill-imputati Bjorn Lanting, li ġie arrestat u segwit fi-residenza tiegħu mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Il-prosekuzzjoni kompliet tispjega li l-Olandiż l-ieħor kien qal lill-Pulizija li l-Belġjan kellu jiġbor il-pakkett tad-droga li ġie arrestat fuq il-post. Ġie intraċċat ukoll mal-istess pakkett Stef Bolier, li f’basket li kien qed iġorr fuqu nstab li kellu pakketti bil-pjanta tal-kannabis, pakketti bir-reżina tal-kannabis, pakketti b’sustanza suspettata katamina u pakketti oħrajn b’sustanza suspettata MDMA.
Il-proċeduri fil-Qorti mxew b’ċerta ħeffa hekk kif l-akkużat, permezz tal-avukat difensur tiegħu, ġie f’qbil mal-Avukat Ġenerali u l-prosekuzzjoni dwar piena mnaqqsa bħala parti minn ftehim ta’ ammissjoni (plea bargaining).
Boiler ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih u kkonferma l-ftehim quddiem il-Qorti. Il-Qorti rrikonoxxiet il-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, inkluż dikjarazzjoni ġurata li fiha pprovda informazzjoni dwar partijiet terzi involuti, u għalhekk ġie applikat l-artikolu 29 tal-Att dwar id-Drogi Perikolużi li jippermetti sentenza aktar leggera f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, qalet li filwaqt li l-ammissjoni tal-ħtija sservi bħala ċirkustanza mitiganti, il-fatt li l-akkużat kien qed jopera f’kuntest ta’ traffikar ta’ droga ma setax jiġi ttollerat. Kienu wkoll ikkunsidrati s-serjetà tar-reati u l-impatt potenzjali fuq is-soċjetà.
Minbarra t-tliet snin ħabs u l-multa ta’ €3,000 — li jekk ma titħallasx fi żmien 12-il xahar tinbidel f’sentenza oħra ta’ priġunerija — il-Qorti ordnat ukoll li jiġi ffriżati l-assi kollha tiegħu, kemm mobbli kif ukoll immobbli, favur il-Gvern ta’ Malta.
Stef Boiler ġie wkoll sospiż milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur, u ġie ordnat iħallas aktar minn €1,400 f’ispejjeż tal-Qorti, relatati mal-esperti li analizzaw id-droga u l-provi fil-każ. Il-Qorti rrikonoxxiet li l-ammissjoni ta’ ħtija waslet wara li l-prosekuzzjoni kienet diġà ressqet il-każ kollu tagħha, u għalhekk l-iskont fis-sentenza ma kienx kbir daqs li kieku saret ammissjoni kmieni.
Madankollu, il-koperazzjoni tiegħu u l-fatt li ma kellux każijiet preċedenti għenu sabiex jingħata piena proporzjonata. Dan il-każ jerġa’ jsaħħaħ il-messaġġ ċar li l-Qrati Maltin ma għandhom l-ebda tolleranza lejn traffikar u pussess ta’ droga għal skopijiet mhux personali, filwaqt li jagħrfu wkoll l-importanza ta’ koperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet bħala parti minn sforz usa’ biex jinħatt ix-xibka kriminali relatata ma’ dan il-fenomenu.
//= $special ?>