Internazzjonali

Zelensky se jiltaqa’ ma’ Starmer f’Londra ġurnata qabel issir il-Putin-Trump summit f’Alaska

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer f’Londra matul il-jum tal-Ħamis, ġurnata biss qabel ma jsir is-summit f’Alaska bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin.

Rappreżentanti minn Downing Street qalu li l-President tal-Ukrajna, li kien ġie eskluż mil-laqgħa ta’ importanza kbira tal-Ġimgħa, kien mistenni jasal fl-10:30am.

Starmer u mexxejja Ewropej oħra wrew l-appoġġ tagħhom lejn Kyiv ilbieraħ, u qalu lil Trump li l-ebda deċiżjoni dwar l-Ukrajna m’għandha tittieħed mingħajr l-Ukrajna.

Wara li sema’ lill-alleati Ewropej tiegħu, Trump hedded lil Putin b’“konsegwenzi severi” jekk ma jaqbilx għal waqfien mill-ġlied waqt is-summit f’Alaska. Trump se jkun qed jippjana wkoll it-tieni laqgħa ma’ Zelensky kif ukoll ma’ Putin biex jinnegozjaw it-termini tal-paċi.

L-Ewropa u Kyiv ippreżentaw it-talbiet tagħhom lill-President Amerikan, li kienu jinkludu li l-Ukrajna trid tkun parti minn kull negozjat, li l-waqfien mill-ġlied ikun l-ewwel prijorita’, li jiġu pprovduti garanziji ta’ sigurtà, li r-Russja ma jkolliex d-dritt li tagħmel veto l-ideat tan-NATO dwar l-Ukrajna, u li jkun hemm pressjoni konġunta fuq Moska.

Starmer qal nhar l-Erbgħa li l-“coalition of the willing” kienu lesti jipplimentaw il-pjanijiet militari tagħha għal Ukrajna ta’ wara l-gwerra, eżatt kif isir ftehim ta’ paċi. Huwa qal li sar “progress reali” fuq il-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna.