Fl-aħħar jiem, daħlu aktar rapporti dwar l-għarqa tal-immigranti fil-Mediterran, bis-sitwazzjoni qed tindika spinta oħra fl-attività tat-traffikanti tal-bnedmin li qed jorganizzaw il-vjaġġi illegali għall-Afrikani u l-eks-residenti tal-Istati Għarab u Asjatiċi li jridu jaħarbu lejn l-Ewropa.
Sadanittant, l-Aġenzija UNHCR (l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tħares id-drittijiet tal-immigranti) żvelat li mill-bidu tas-sena ’l hawn mietu aktar minn 700 persuna waqt il-vjaġġi mill-ibħra fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat kienet ikkonfermata l-għarqa ta’ mill-anqas 30 immigrant wara li żewġ dgħajjes ippakkjati bin-nies inqalbu fil-baħar waqt vjaġġ mil-Libja lejn l-Italja.
Dan ukoll meta l-iskwadri Taljani Inkarigati mill-ħidma ta’ search and rescue salvaw l-għexieren tal-immigranti oħra mill-baħar viċin ta’ Lampedusa – u fost it-tfittxija fit-tul għall-immigranti oħrajn li ma dehrux aktar wara l-inċident.
Sadanittant, il-kelliema għall-UNHCR esprimew is-sens qawwi ta’ dispjaċir għall-aħħar traġedja fil-Mediterran waqt li l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, wasslet messaġġi ta’ kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi.
Skont is-sorsi tal- International Organisation for Migration (l-IOM li hi wkoll entità tan-NU) id-dgħajjes – qabel inqalbu – kienu qed iġorru aktar minn 100 immigrant, li ammont minnhom kienu qed jaħarbu mis-Somalja.
Mifhum ukoll li fost il-vittmi tal-għarqa Lil hinn minn Lampedusa kien hemm numru sinifikanti ta’ nisa u anki tfal taħt it-12-il sena.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet marittimi Taljani qed jinvestigaw l-iżviluppi li wasslu biex iż-żewġ dgħajjes jinqalbu fil-baħar ‘minuti biss ’il bogħod minn xulxin’.
Intant, l-immigranti li salvaw b’ħajjithom mill-inċident kellmu lill-ġurnalisti tal-gazzetta La Repubblica fejn infurmawhom li, wara l-għarqa tal-ewwel dgħajsa, numru ta’ immigranti li spiċċaw fil-baħar kellhom bilfors jitilgħu fuq it-tieni dgħajsa li, imbagħad, inqalbet ukoll minħabba li ma felħitx għal dawk in-nies kollha.
Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Meloni ħarġet stqarrija fejn qalet li t-traġedji fil-Mediterran li jsiru fuq din l-iskala bilfors li jqanqlu sens kbir ta’ kompassjoni fost in-nies li jsiru jafu bihom.
Meloni anki rreferiet għat-traffikanti tal-bnedmin li qed jikkontribwixxu għal dawn l-imwiet fuq il-baħar u fejn ikkundannat ‘l-element inuman ta’ ċiniċiżmu li bih it-traffikanti qegħdin jorganizzaw dawn il-‘vjaġġi tal-mewt’.
//= $special ?>