Il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu – f’Jum il-Festa solenni ta’ Santa Marija – il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u tal-Imġarr ospitaw għat-tmien darba pellegrinaġġ bil-muturi li ra l-parteċipazzjoni ta’ għadd sabiħ ta’ sewwieqa minn diversi lokalitajiet.
L-attività bdiet fid-9:15 ta filgħodu. minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr, fejn inġabru muturi ta’ kull daqs u tip. Il-pellegrinaġġ telaq fid-9:45 a.m. u segwa rotta li għaddiet minn diversi lokalitajiet. Matul il-vjaġġ, il-muturi kienu akkumpanjati minn vann li ġarr ix-xbieha tal-vara titulari ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema.

Mal-wasla quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli, is-sewwieqa ġew milqugħa b’tberik speċjali għall-muturi u għall-parteċipanti nfushom. Kull sewwieq irċieva tifkira bħala xhieda tal-parteċipazzjoni tiegħu.
Meta tkellem ma’ Net News, l-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, Dun David Farrugia, spjega li din is-sena l-festa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli se ssir nhar il-Ħadd, filwaqt li l-festa tal-Imġarr se ssir il-Ħadd ta’ wara. Huwa sostna li din l-attività għandha importanza kbira, billi l-ġabra li ssir matulha tgħin lil min hu fil-bżonn.

Xi sewwieqa ddeskrivew l-attività bħala waħda organizzata tajjeb u li tgħaqqad il-komunità biex jinġabru fondi għal skop tajjeb.

L-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, Dun David Farrugia, flimkien mal-Kappillan tal-Imġarr, Dun Sean Abela, ħabbru li b’dan il-pellegrinaġġ inġabru ‘l fuq minn €700. Il-fondi kollha se jmorru għal Caritas Malta, sabiex jappoġġaw il-ħidma kontinwa tagħha fil-konfront ta’ diversi sfidi soċjali.