Internazzjonali

‘Ħafna jiddependi mill-eżitu tat-taħditiet’… Is-summit bejn Trump u Putin jista’ jkun kruċjali għall-Ukrajna

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, ipprova jenfasizza l-aspett drammatiku tas-summit mal-President Russu  Vladimir Putin li se jsir matul il-lejl f’Alaska… Summit li jindirizza l-gwerra fl-Ukrajna u l-prospetti li r-Russja, forsi, taqbel dwar waqfien mill-ġlied wara kważi erba’ snin ta’ konflitt mal-Ukreni.

Is-summit bejn Trump u Putin se jkun l-ewwel wieħed wiċċ-imb-wiċċ għal sitt snin u l-President Amerikan, waqt li fi triqtu lejn Alaska, bagħat messaġġ li ‘ħafna jiddependi mill-eżitu tat-taħditiet bejnu u l-Mexxej Russu.’

Is-sens tad-drama ilu jinħass fost l-osservaturi li jemmnu li s-summit, sa fl-aħħar, kapaċi jwassal għal żviluppi konkreti wara dawn is-snin ta’ qerda u konflitt fl-Ukrajna.

Sadanittant, il-Gvern Russu, fl-aħħar sigħat, tenna li l-pożizzjoni tiegħu rigward il-konflitt għadha ‘ċara u inambigwa’.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky — li kien eskluż minn dan is-summit – wissa li mhuma se jfissru xejn id-deċiżjonijiet li jsiru fl-assenza tiegħu.

Hu minnu wkoll li ħafna Ukreni ma jemmnux li dawn it-taħditiet se jtuhom tassew ftit tan-nifs mill-gwerra li ilhom isofru l-effetti tagħha mindu l-qawwiet ta’ Putin invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

L-Ukreni qed jinkwetaw ukoll li s-summit jista’ ‘jilleġitimizza’ l-azzjonijiet aggressivi ta’ Putin u li l-Mexxej Russu jieħu vantaġġ sinifikattiv mit-trattativi ma’ Trump.

Intant, hu wkoll possibbli li s-summit f’Alaska jwitti t-triq għal aktar skambji ta’ priġunieri bejn l-Ukreni u r-Russi,

Fl-istess ħin, l-Ukreni qed jittamaw li l-President Trump, wara s-summit, ikompli jipprovdi l-armamenti moderni għad-difiża tal-Ukrajna filwaqt li jimponi s-sanzjonijiet aktar ħorox fuq ir-Russja u l-Alleati tagħha.

Waqt li fi triqtu għal-laqgħa, il-President Trump innota li Putin kien qed imexxi delegazzjoni magħmulha mill-konsulenti u uffiċjali ewlenin fis-settur tal-kummerċ

Intant, hu tenna li l-Istati Uniti mgħandhiex tidħol fi proġetti kummerċjali mar-Russja dment li Putin ma jikkonkludix il-gwerra, u fost l-insistenza biex ‘il-qtil jieqaf mill-aktar fis’.

Mistoqsi dwar l-attakki kontinwi tar-Russja fuq l-Ukrajna, Trump qal li Putin qed jaħseb li jista’ jikseb affarijiet kbar mill-kampanja, iżda fil-verità hu wkoll ‘qiegħed iweġġa’ mis-sitwazzjoni.