L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia appella fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar riformi fl-istruttura u l-proċeduri parlamentari, kif ukoll iżjed involviment dirett miċ-ċittadini fil-ħidma parlamentari.
Matul intervista li saret fil-programm XTRA, l-Ispeaker tal-Kamra saħaq fuq il-bżonn li jiġu ndirizzati l-istanding orders u l-mistoqsijiet parlamentari mhux mwieġba, hekk kif hu ammetta li s-sitwazzjoni preżenti ma tagħtihx awtorità.
Anglu Farrugia qal illi fl-istanding orders irid ikun hemm reviżjoni u ġwidi ċari, li trid timxi fuqhom.
Fil-parlament hemm mal-1,000 mistoqsija li baqgħu bla tweġiba mill-2022 ‘l hawn, bl-Ispeaker jisħaq li dawn jridu jkunu mwieġba għal fini ta’ transparenza. Iżda l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh.
Anke l-PN ilu snin jinsisti li hemm bżonn reviżjoni u saħħa akbar fl-iskrutinju Parlamentari.
Intant, meta mistoqsi dwar it-transparenza u r-responsabbiltà politika, l-Ispeaker tkellem fuq l-importanza u d-dritt li l-parlamentari jistaqsu.
Dwar il-kumitati parlamentari, l-Ispeaker Anglu Farrugia tkellem fuq il-fatt li fil-PAC, li jinvestiga l-infiq ta’ flus il-poplu, mgħandux jkun hemm ministri li jifformaw parti minn dawn il-kumitati parlamentari.
Rigward il-kumitat tal-petizzjonijiet, l-Ispeaker faħħar dan il-kumitat, hekk kif hu iddeskrivih bħala mezz ta’ involviment dirett miċ-ċittadini.
U meta mistoqsi dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi, hu enfassiza li dan għandu jsir sabiex jagħti rendikont u juri transparenza – xi ħaġa li Robert Abela, huwa evidenti, li qed jonqos fiha bi kbir. Għaliex żamm l-assi tiegħu u tal-Ministri moħbija.
L-Ispeaker Farrugia temm din l-intervista billi qabel li għandu jiżdied il-ħin li fih jiġu diskussi l-abozzi ta’ liġi – però qal li dan għandu jsir b’mod effettiv.
//= $special ?>