Lokali

Jinqabad fi Sqallija jipprova jdaħħal għasafar protetti f’Malta

Raġel Malti nqabad mill-awtoritajiet fi Sqallija meta kien jipprova jdaħħal f’Malta mal-2,700 għasfur protett minn Sqallija. Il-Pulizija Taljana f’Pozzallo sabu 2,687 għasfur protett li kienu ppakkjati f’gaġeġ tal-plastik li kienu moħbija f’kaxxi oħra tal-kartun. Fost dawn l-għasafar kien hemm gardelli u għasafar tal-għana.

Ir-raġel twaqqaf waqt li kien qed jipprova jitla’ l-katamaran lejn Malta. Il-valur ta’ dan it-tajr protett huwa stmat li jammonta għal madwar €400,000.

L-awtoritajiet tas-saħħa ta’ Ragusa kkonfermaw li dawn l-għasafar protetti kienu qed jinġarr f’kundizzjonijiet ta’ sanità prekarja ħafna. Dan hekk kif jirriżulta li tpoġġew f’kompartamenti fil-kesħa biex ma jsaffrux ħalli jonqos iċ-ċans li jinqabdu fl-ispezzjonijiet mill-awtoritajiet.

Apparti l-pussess ta’ għasafar protetti, ir-raġel Malti jinsab akkużat ukoll bi qbid, kollezzjoni, li żamm għandu affarijiet misruqa u abbandun ta’ annimali u ksur ta’ diversi liġijiet u regolamenti relatati mal-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-annimali, fost l-oħrajn. Wara l-awtoritazzjoni tal-istess awtoritajiet fi Sqallija, dawn l-għasafar protetti issa nħelsu u sabu posthom f’riserva naturali.