Opinjoni

OPINJONI: Il-‘fake news’ tat-turiżmu tal-kwalità

Aħna rridu mmorru għat-turiżmu tal-kwalità
Miċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għall-ewwel sitt xhur tas-sena dwar is-settur turistiku nistgħu niġbdu diversi konklużjonijiet. Fost il-ħames pajjiżi li minnhom l-iktar jiġu turisti llum hemm  il-Polonja li mill-ħames post fl-ewwel sitt xhur tal-2023 telgħet għar-raba’ post is-sena ta’  wara u din is-sena kompliet avvanzat għat-tielet post (ara tabella). Ir-Renju Unit baqa’ fl-ewwel post bl-Italja warajh. Franza tilfet it-tielet post li kienet fih fl-2023 u l-2024 filwaqt li l-Ġermanja tilfet ir-raba’ post tal-2023 u fl-aħħar sentejn niżlet għall-ħames post. Il-medja tat-tul taż-żjara niżlet minn 6.3 iljieli fl-2023 għal 5.9 iljieli s-sena l-oħra u din is-sena.

minn Joe M. Zahra

Illum il-Festa ta’ Santa Marija. Jum li fih ħafna jkunu f’nofs vaganza. U din is-sena aktar għax bil-festa taqa’ l-Ġimgħa ħafna jistgħu jieħdu ‘long weekend’. Huwa jum ukoll li fih pajjiżna jospita ħafna turisti. Speċjalment turisti Taljani li jfakkru dan iż-żmien tas-sena b’vaganzi f’pajjiżhom u barra pajjiżhom!

Bħal f’kull settur ieħor fit-turiżmu wkoll kultant snin irridu nieqfu, naraw xi ksibna fis-snin ta’ qabel u nipproġettaw għas-snin ta’ wara. Pajjiżna ma jiflaħx jospita iktar miljuni ta’ turisti. Dan qed iseħħ f’pajjiżi ħafna akbar minnha fejn in-nies tal-post qed jirvellaw kontra ż-żieda bla rażan ta’ turisti. Għadu kif ġie f’idejja rapport tal-Ewrobarometru li jgħid, Southern Europe’s locals face the highest cost of mass tourism. Titlu li jgħodd ukoll għalina.

L-art tagħna hija dik li hi u għalhekk l-awtoritajiet iridu jiddeċiedu kemm huwa l-massimu tat-turisti li nistgħu nilqgħu. Minn hemm imbagħad nagħmlu l-pjani. Naraw kemm nistmaw li jkun id-dħul minn dan is-settur u niddeċiedu bis-serjetà li mmorru għal setturi ta’ kwalità fejn b’inqas viżitaturi ndaħħlu iktar flus.

Setturi ta’ kwalità

Jien dejjem insemmi s-settur tal-konferenzi. Biex dan kien stabbilit riedu jinbnew numru ta’ lukandi ta’ ħames stilel. Dawn inbnew u l-konferenzi bdew ġejjin. Għadhom ġejjin u żdiedu.

Huwa kkalkulat li dawk li jiġu għall-konferenzi jonfqu t-tripplu tat-turisti tal-massa. Hekk b’inqas numru nkunu qed inkabbru d-dħul u nnaqqsu l-piż fuq l-infrastruttura, l-ambjent, it-traffiku u dak kollu li jorbot mas-settur turistiku. Inkunu qed nospitaw ukoll turisti ta’ kwalità f’kull sens fejn ma jkollniex in-nuqqasijiet kbar li ċertu turisti qed iwettqu u li qed jurtaw lill-maġġoranza tal-poplu.

Hemm  ħafna setturi ġodda li nistgħu nattiraw lejn pajjiżna. Diġà għandna erba’, ħames niċeċ oħra iżda mhux biżżejjed. Ilna ħafna nsemmgħu n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż u t-turiżmu marbut mas-saħħa, fejn pajjiżi bħat-Turkija u l-Ġordan għamlu passi kbar ’il quddiem u aħna lanqas biss bdejna! Jekk nieħdu n-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna għat-turiżmu edukattiv, reliġjuż u tas-saħħa nsibu li skont ċifri pubblikati minn dawn it-tliet setturi fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew pajjiżna 47,249, farka mill-1,823,603 tat-turisti kollha li żaru pajjiżna fl-istess żmien.

Agħar minn hekk huwa li dan in-numru flok jiżdied qed jonqos. Naqas minn 57,954 fl-ewwel sitt xhur tal-2023 għal 51,917 fl-istess perjodu s-sena l-oħra u għal 47,249 din is-sena. Hekk din is-sena biss kellna tnaqqis ta’ 4,668 jew disa’ fil-mija fuq is-sena l-oħra.

Dawn huma setturi ġodda, niċeċ ġodda li jistgħu jagħtuna kwalità. Setturi li jekk pereżempju nieħdu t-turiżmu reliġjuż għandna l-istruttura kollha lesta biex nilqgħu dawn it-turisti: knejjes mill-isbaħ, mużewijiet, festi. Jekk nieħdu s-settur tat-turiżmu mediku għandna professjonisti mill-aqwa u anki xi strutturi privati attrezzati.

Etajiet tat-turisti

Darba qed nitkellmu dwar niċeċ, tajjeb nitrattaw ukoll l-etajiet tat-turisti li qed iżuru pajjiżna. Għaliex mill-etajiet jista’ jkollna indikazzjomi ta’ fejn irridu mmorru.

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena kellna 346,000 turist sa 24 sena, 661,000 bejn il-25 u l-44 sena, 493,000 bejn il-45 u l-64 sena u 172,000 ta’ età ta’ iktar minn 65 sena. L-erba’ kategoriji ta’ etajiet kollha wrew żieda fin-numru iżda l-ikbar żieda perċentwali kienet fost dawk ta’ iktar minn 65 sena fejn kien hemm żieda ta’ 25.2 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Tajjeb naraw x’qed iwassal persuni ta’ din l-età jżuru pajjiżna biex jekk hemm x’qed jattirahom aktar minn pajjiżi oħrajn nagħmlu ħilitna biex ninkuraġġuhom.

L-ilmenti tan-nies

Fil-lokalitajiet turistiċi r-residenti qed jilmentaw. Qed jilmentaw l-iktar familji li joqogħdu fi blokki ta’ appartamenti u jsibu wħud mill-appartamenti fil-blokk tagħhom mikrija lit-turisti li wħud minnhom mhumiex iġibu ruħhom tajjeb.

Turisti li jiġu u f’diversi każi sid il-post li jkun kera lanqas ikun jaf min huma. Lanqas qatt ma jiltaqa’ magħhom! Din hija parti tas-sistema ta’ kiri li daħlet u li mhi xejn qed twassal biex ikun hemm relazzjoniiet tajba u ta’ armonija bejn it-turist u r-residenti.

It-turiżmu tal-massa qed iwassal ukoll għall-problema tal-iskart li ma jinħariġx fil-ġurnata li suppost jinħareġ, li jitħalla barra jiem sħaħ, li qed iġib miegħu mhux biss nemus iżda anki ġrieden. Din saret problema kbira. Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat iqis li dan kollu m’għadux biss problema iżda nbidlet fi kriżi.

Hemm imbagħad il-problema ta’ mwejjed u siġġijiet quddiem bars u restoranti li qed ixekklu lir-residenti milli joħorġu minn djarhom. Li huma ta’ periklu meta ambulanza jkollha bżonn tersaq kemm jista’ jkun ma’ bieb ta’ residenza biex tieħu pazjenti lejn l-Isptar.

Dawn huma ftit mill-problemi li qed ikiddu lill-poplu. Speċjalment lil dawk li joqogħdu f’postijiet turistiċi bħall-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, San Pawl il-Baħar u Marsaskala.

II-Gvern ma jistax ikompli jagħlaq għajnejh it-tnejn quddiem dawn il-problemi li qed joħloq it-turiżmu tal-massa. Il-‘billboards’ li jgħidu li morna għall-kwalità huma ‘fake news’. Pajjiżna għadu destinazzjoni tal-massa. Pajjiż fejn ħafna jiġu għax jemmnu li jistgħu jagħmlu li jridu, anki joħorġu għarwenin fuq mutur f’nofs ta’ lokalità residenzjali.

Jekk se nibqgħu destinazzjoni tal-massa se nitilfu l-qaleb u l-ġbejna. Bajjiet għall-għawm f’pajjiżi madwarna hemm ħafna ikbar u iktar milli nistgħu nipprovdu aħna. Hemm pajjiżi akbar minna li daqsna għandhom xemx matul is-sena. Aħna rridu mmorru għall-kwalità.

Għal turisti li jżuruna għall-istorja li tmur lura eluf ta’ snin. Storja li tinġabar fi ftit kilometri kwadri. Li tista’ tilħaqha fi ftit żmien għax post storiku mill-ieħor mhux ’il bogħod. Għal dawk li jiġu għall-konferenzi. Għal dawk dilettanti tad-‘diving’. Għal turisti li jżuru lil Għawdex bħala destinazzjoni għaliha. Irridu noħolqu niċeċ oħra. Mhux bil-kliem iżda bil-fatti.

It-turiżmu tal-massa mhux postu f’pajjiżna. B’turiżmu ta’ kwalità pajjiżna jista’ jaqla’ ferm iktar. Iċ-ċittadin Malti jkun jista’ jgħix f’daru aħjar u b’moħħu mistrieħ.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa l-15 ta’ Awwissu, 2025.