Ir-Re Karlu tal-Ingilterra u martu, ir-Reġina Camilla, attendew għal servizz fi Staffordshire biex ifakkar it-80 sena mill-avveniment ta’ VJ Day – jew kif inhu wkoll magħruf Victory over Japan Day.
Il-Britanniċi, f’kull 15 ta’ Awwissu, ifakkru dan l-avveniment li jikkommemora d-data, fl-1945, meta l-Ġappun kien ċeda lill-qawwiet tal-Alleati biex, effettivament, intemmet il-Gwerra Dinjija li kienet ilha għaddejja mill-1939.
Ir-Re u r-Reġina, għal din l-okkażjoni sinifikanti, osservaw żewġ minuti ta’silenzju b’rispett għas-suldati u kulmin ta servizz militari. Waqt iċ-ċerimonja, ingħata unur partikulari lill-priġunieri tal-gwerra u s-sagrifiċċji li huma kellhom jagħmlu għal-libertà.
Il-gwerra li r-Renju Unit u l-alleati ġġieldu kontra l-Ġappun kienet fost l-aktar imdemmija tas-seklu l-ieħor u r-rebħiet fil-battalji tal-Paċifiku u fir-reġjuni tal-Lvant Imbiegħed kienu strumentali għat-trijonf finali daqs il-kampanji militari tal-Alleati kontra n-Nażisti fl-Ewropa.
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja fi Staffordshire kien hemm 33 veteran mas-servizzi militari. Intant, wieħed minnhom, Ron Gumbley, eks-pilota mal-RAF li llum għandu 101 sena, qara silta tal-poeżija dwar il-gwerra li jisimha For the Fallen. Gumbley hu wkoll veteran tal-gwerra li l-Britanniċi ġġieldu kontra l-Ġappuniżi f’Burma…il-pajjiż li llum hu magħruf bħala Myanmar.
Min-naħa tiegħu, ir-Re Karlu, f’diskors speċjali għall-avveniment, qal li l-poplu Britanniku mhu se jinsa qatt lil dawk il-membri tas-servizzi li ġġieldu għal pajjiżhom waqt il-konflitti tal-Asja u l-Paċifiku.
F’din iċ-ċerimonja spikka wkoll il-qari ta’ messaġġi mill-veterani fost id-daqq ta’ mużika solenni mill-baned militari preżenti. Kien hemm anki ‘fly past’ mill-iskwadra tal-ajruplani tar-Royal Air Force Red Arrows flimkien mal-marċijiet tal-qawwiet armati.
Intant, il-Ġappun ukoll kien qed ifakkar dan l-avveniment u meta l-Prim Ministru Ġappuniż, Shigeru Ishiba, esprima ‘sens ta’ rimors’ waqt diskors f’Tokjo.
Il-Ġappun kien l-aggressur fil-gwerra tal-Paċifiku u l-Asja u din kienet l-ewwel darba f’aktar minn għaxar snin li Mexxej Ġappuniż uża l-kalma ‘rimors’ f’diskors waqt okkażjoni biex tfakkar kapitlu importanti għall-militar Ġappuniż waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>