Is-sena 2025 taħbat il-50 anniversarju minn mewt il-poetessa pijuniera fix-xenarju tal-letteratura Maltija Mary Meilak. Sabiex jiġi ċċelebrat il-kontribut tagħha fil-perjodu romantiku tal-istorja letterarja Maltija, ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, ffinanzja l-ħolqien ta’ CD bl-isem Mara.
Mara hu prodott minn Lito’s Space, b’kanzunetti mibnija fuq il-lirika ta’ sitt poeżiji mir-repertorju ta’ poeżiji miktubin mill-pinna ta’ Meilak u mmużikati mill-Mro Dominic Galea.
Waqt it-tnedija ta’ Mara ġie spjegat li l-kontribut ta’ Mary Meilak – li kienet Għawdxija – għall-iżvilupp tal-lingwa Maltija kien kontribut importanti ħafna. Dan ix-xogħol għandu wkoll relevanza fil-kamp edukattiv peress li tnejn mill-poeżiji – Xita u Ġejja x-Xita – jinsabu fis-sillabu non-preskrittiv tal-Malti għas-seba’ u t-tmien sena skolastika.
Maris Camilleri, l-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti faħħret il-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru u l-Kunsill Malti għall-Arti u saħqet li “sinerġiji bħal dawn huma t-triq ’il quddiem sabiex nibqgħu nwieżnu proġetti u inizjattivi varji li l-għan tagħhom huwa li naraw li l-Malti jibqa’ ħaj, relevanti, u viżibbli, filwaqt li jkompli jinfirex fl-oqsma kollha.” Hija faħħret il-kontribut ta’ Mary Meilak u saħqet li bħala mara u bħala persuna akkademika fil-qasam tal-Malti, hi ħasset li b’sens ta’ dover ma setgħetx tħalli lil dan l-anniversarju jgħaddi mingħajr ma nkunu tfajna d-dawl mistħoqq fuq pijuniera fil-qasam letterarju Malti.
Dan l-album mużikali bbażat fuq sitt poeżiji ta’ Mary Meilak ġie mniedi propju fix-xahar li fih jaħbat ukoll it-tieni anniversarju mit-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
Għal din il-konferenza attendew entitajiet u individwi li ilhom is-snin jaħdmu b’risq il-Malti, fosthom l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda Għalliema tal-Malti, l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti, membri mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, kif ukoll l-awtur magħruf Trevor Zahra.
//= $special ?>