Internazzjonali

Franza: Kundanna fuq att ta’ mibegħda f’memorjal ta’ Lhudi

Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron ikkundanna l-att ta’ mibegħda fil-konfront ta’ persuna li qaċċtet siġra li tfakkar il-memorja ta’ żagħżugħ Lhudi li nqatel fl-2006.

Is-siġra tħawwlet madwar 14-il sena ilu sabiex tkun imfakkra l-memorja taż-żagħżugħ Ilan Halimi li kien ġie ittorturat u maqtul fl-2006. Każ li kien qanqal rabja kbira madwar id-dinja.

Il-katavru ta’ Halimi kien instab f’linja tal-ferrovija marbut ma’ siġra, bla ħwejjeġ kif ukoll kellu ġrieħi ta’ ħruq madwar ġismu. Dan hekk kif dan iż-żagħżugħ kien ġie ttorturat għal aktar minn tlett ġimgħat.

Macron qal li dan l-att kien attentat biex dan iż-żagħżugħ jinqatel għat-tieni darba u li se jagħmel dak kollu possibbli sabiex isib il-persuni responsabbli minn dan l-att atroċi.