Internazzjonali

‘Il fuq minn 300 persuna mejta wara għargħar fil-Pakistan

‘Il fuq minn 300 persuna tilfu ħajjithom wara għargħar li laqat diversi zoni fl-Indja u l-Pakistan bit-tim ta’ salvataġġ ilu għaddej bit-tfittxijiet għal dawn l-aħħar tlett ijiem.

Infatti l-awtoritajiet lokali qalu li t-tfittxijiet qed isiru qalb il-muntanji hekk kif għadd hemm għadd ta’ persuni rappurtati nieqsa.

Matul il-jum tas-Sibt fiz-zona ta’ Buner li ġarrbet l-akbar ħsarat ġie organizzat funeral tal-massa b’rapporti internazzjonali jgħidu li f’din iz-zona biss mietu tal-lanqas 184 persuna. Dan apparti li l-maġġoranza tal-binjiet nqerdu għal kollox.

Kaġun ta’ dan l-għargħar, numru ta’ kampijiet mediċi kif ukoll xelters ġew mibnija għall-familji milquta. Dan filwaqt li l-membri ta’ salvataġġ evakwaw ‘il fuq minn 1,300 turist mill-muntanji fid-distrett ta’ Mansehra.

Għaldaqstant, preżentament għaddejja ħidma mill-aktar intensiva sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa fit-toroq kif ukoll qed jassiguraw li t-toroq huma siguri.

Ritratti u filmati fuq il-midja soċjali juru numru ta’ toroq kompletament mgħarrqa b’numru ta’ persuni jispjegaw li l-ilma ġie f’daqqa b’tunnellati ta’ ġebel jolqot numru ta’ zoni residenzjali.

Intqal ukoll li x-xita qalila f’dawn iz-zoni se tibqa’ għaddejja sal-21 ta’ Awwissu.

Intant, fi żviluppi oħra ħelikopter li kien qed iġorr affarjiet neċessarji għal dawk milquta mill-għargħar iġġarraf matul il-jum tal-Ġimgħa kaġun ta’ maltemp bil-ħames persuni abbord tilfu ħajjithom.