Lokali

Imut Charles Stroud – wieħed mill-pilastri fit-twaqqif ta’ Net TV

Charles Stroud, li kien wieħed mill-pilastri fit-twaqqif ta’ Net TV miet fi sptar f’Londra fejn għal dawn l-aħħar ġimgħat kien qed jingħata kura speċjalizzata. Hu kellu 75 sena. Charles Stroud kien miżżewweġ lil Doris Camilleri u flimkien kellhom żewġt ulied, Katya u Matthew.

Stroud twieled f’Ħal Tarxien fis-27 ta’ Ġunju tal-1950, u kien ilu involut fid-dinja tat-teatru minn età bikrija, hekk kif kien jgħin lil missieru, Tony, fit-twaqqif ta’ diversi spettakli mill-forzi Brittaniċi f’Malta.

Stroud beda l-karriera tiegħu fir-reċtar, fil-produzzjoni u f’aspetti oħra mix-xena tat-teatru fuq bażi volontarja. Huwa speċjalizza fil-mima u fit-teatru modern ma’ bosta gruppi esperimentali fis-sittinijiet, fejn idderieġa diversi xogħlijiet li kienu jvarjaw minn teatru fit-triq sa produzzjonijiet fit-Teatru Manoel.

Hu kien impjegat mal-Malta Film Facilities, l-ewwel bħala prop boy, iżda fi ftit ġimgħat ġie promoss għal props buyer u aktar tard għal set dresser.

Wara qatta’ perjodu qasir jaħdem fil-Pinewood Studios, f’Londra. Imbagħad fl-1973 hu ġie mpjegat ma’ Television Malta bħala produttur u direttur tal-programmi, fejn wera speċjalizzazzjoni unika fid-drama u d-dokumentarji, u sar wieħed mill-aktar diretturi televiżivi distinti f’Malta.

Fis-sena 1982 Stroud kien ġie mpjegat mal-PN u kien involut fit-twaqqif tad-dipartiment tal-preżentazzjonijiet awdjo-viżivi tal-Partit.

Huwa pproduċa, iffilmja u editja bosta produzzjonijiet, kemm għal organizzazzjonijiet politiċi, kummerċjali, kif ukoll produzzjonijiet televiżivi, fost dawk li jibqgħu l-aktar f’qalb il-poplu Malti hemm Baħar Wieħed u Pupi u Anġli. L-aħħar biċċa xogħol tiegħu kienet   ‘Ulied il-Lejl’ li ixxandret fuq Net Television.

Apparti minn hekk Charles Stroud kien ingħata unur għall-kontribut tiegħu lil Net Television fis-serata ta’ Net Honours, li fakkret l-20 sena mit-twaqqif ta’ Net Television.

Stroud serva fuq diversi kumitati, fosthom il-Kumitat tal-Festi Nazzjonali bħala l-President bejn l-1987 u l-1991, fil-Fondazzjoni tal-Kumitati tal-Karnival Ewropew bħala Viċi-President bejn l-1988 u l-1991, fil-Mediterranean Film Studios bejn l-1992 u l-1993, kif ukoll fir-Radio 101 fl-1991.

Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Charles Stroud kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li stqarr li Stroud jibqa’ magħruf għall-ħiliet kreattivi tiegħu, għad-direzzjoni televiżiva u tad-drama fuq il-media tal-PN, u għall-ħidma tiegħu fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet politiċi u tal-armar tal-Partit Nazzjonalista fis-snin tmenin.

Net News isellem il-memorja ta’ Charles Stroud u jagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.