Lokali

Imut is-sewwieq tal-mutur li kien tilef il-kontroll tal-mutur f’Pembroke

Miet fl-Isptar Mater Dei it-Taljan li lejliet Santa Marija kien weġġa’ serjament f’inċident ieħor fit-toroq tagħna – każ li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu.

Iż-żagħżugħ kellu 21 sena, u kien weġġa’ serjament wara li skidja bil-mutur f’Pembroke.

L-inċident seħħ jumejn ilu għall-ħabta tal-5:30am, meta it-Taljan tilef il-kontroll waqt li kien qed isuq mutur tal-għamla Kymco, u ħabat ma’ barrikata tal-konkos fi Triq Sant’Andrija – fid-direzzjoni lejn Paceville.

Iż-żagħżugħ ingħata l-għajnuna fil-post minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji, u kien fl-ITU jissielet għal-ħajtu. Sakemm dalgħodu tilef il-battalja tiegħu mal-mewt.

Dwar il-każ, kienet infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Borg Galea, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.