Lokali

“Kull għajnuna hija apprezzata, sofrejna ħafna ħsara” – l-appell ġenwin tal-familja Vella

"Inħossni qisni f'ħolma, miet wieħed mill-qtates u sofrejna ħsarat estensivi fil-parti ta' fuq tad-dar"

Kull għajuna hija apprezzata, kemm ta’ flus kif ukoll ta’ appliances tad-dar.

Dan huwa l-appell ġenwin li qed isir wara li l-Erbgħa filghaxija il-familja Vella sofriet ħruq estensiv fid-dar tagħha fi Triq Rudolph, f’Tas-Sliema.

F’kummenti lil Net News, Tonia Vella spjegat li l-Erbgħa għall-ħabta tal-11pm bdiet tisma’ qisu injam iffaqqgħa u ħasbet li t-tifel tagħha mar fuq il-bejt jiġbor xi ħaġa. Wara li dawn il-ħsejjes ma waqfux hi marret tiftaħ il-bieb u b’xokk kbir indunat li kien hemm nar fil-washroom.

Minnufiħ marret u qajmet lir-raġel tagħha, li malli qaltlu li kien hemm in-nar fuq il-bejt mar minnufih għall-annimali tagħhom. Hu rnexxilu jagħti lil Tonia ħamest iklieb u qattusa, però qattusa minhhom li kienet nieqsa mid-dawl ma setgħu jarawha imkien.

Min-naħa tiegħu Peter beda jipprova jitfi n-nar bil-fire extinguishers, iżda dan kien kollu għalxejn. Għalhekk Tonia ċemplet lill-Pulizija u qaltilhom li għandha bżonn l-għajnuna. Sadanittant huma sejħu lit-tifel biex jgħinhom hekk kif dan joqgħod eżatt ħdejhom. U min-naħa tiegħu hu ukoll beda jipprova jitfi n-nar.

Jidher li r-raġel sofra xi ħruq, u kien bela’ xi dħaħen.

Il-qattus sfortunatament tilef ħajtu filwaqt li t-tifel ma soffra l-ebda ġrieħi.

Tonia stqarret li hi ma sofriet l-ebda ġrieħi, però tinsab anjuza ħafna u tħoss li qisha qed tgħix f’ħolma.

Il-washroom, il-bejt, it-taraġ li jagħti għall-bejt flimkien mal-appliances kollha li kien hemm fil-washroom sofrew ħsarat estensivi tant li ma jistgħux jidħlu fil-washroom qabel ma jmur perit fil-post. Il-mara spjegat ma’ Net News li bħalissa jinsabu bla dawl u ilma filwaqt li d-dar kollha hija sewda bin-nugrufun tad-dħaħen.

Il-koppja bħalissa qed tgħix fid-dar tat-tifel tagħhom li għandu 44 sena, bit-tama li jirċievu bizejjed għajnuna sax-xitwa u jkunu bnew soqfa ġodda.

Sa issa, għadu mhux ċar kif bdew dawn in-nirien.