Ġuvni ta’ 27 inżamm arrestat wara li kien akkużat bi vjolenza domestika.
Il-każ seħħ wara li l-imputat li huwa maħkum mill-vizzju tad-droga, f’diżgwid li kellu m’ommu heddidha li se jaħarqilha l-karozza talli żvelat xi affarjiet mal-ħabib tiegħu.
Aktar tard qalilha biex tgħaddi għalih bil-karozza u meta waslet fuq il-post u qaltlu jirkeb, l-imputat allegatament sabbat idejh fuq il-windscreen u kissirulha.
Il-prosekuzzjoni spjegat li kien hemm fejn omm l-imputat bdiet tipprova tfittex l-għajnuna u marret fl-għassa, fejn aktar tard ġie arrestat l-imputat.
Wara li tressaq mill-Pulizija quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, fl-awla ommu qaltlu “Wegħedni li tieħu l-għajnuna u niġi narak u nġiblek il-flus. Flimkien naslu. Taf li qatt ma tlaqtek. Għall-ġid tiegħek qalbi, għall-ġid tiegħek.”
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti, fuq talba tad-difiża, irrakkomandat biex l-imputat jinżamm fit-Taqsima tal-Forensika fl-Isptar Monte Carmeli, biex jingħata l-għajnuna kollha possibli biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Anthea Bonnici Zammit u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.
//= $special ?>