Lokali

“Tippersisti l-problema tal-baħar imniġġes” – PN

Nies jilmentaw li ma jistgħu jgħumu mkien għax il-kosta kollha mill-Mellieħa sal-Belt Valletta hi b’xi mod jew ieħor imniġġsa

Hekk kif ninsabu f’nofs is-sajf, il-Maltin u l-Għawdxin ifittxu l-bajjiet biex jistrieħu ftit. Hekk ukoll jagħmlu l-għexieren tal-eluf ta’ turisti li jiġu jżuruna biex, fost affarijiet oħra, igawdu l-baħar tagħna.

Imma filwaqt li l-Ministri responsabbli jidher li qed igawdu sew is-sajf għax baqgħu ma lissnux imqar kelma waħda dwar id-diżastru fil-baħar tagħna, il-Maltin u t-turisti qed isibu quddiemhom baħar imniġġes, ragħwa stramba u rwejjaħ jintnu minflok baħar nadif fejn jistgħu jgawdu s-sajf.

Fl-aħħar jiem ħafna lmentaw li l-kosta kollha mill-Mellieħa sal-Belt hija b’xi mod jew ieħor imniġġsa, proprju fl-eqqel tas-sajf u fil-ġimgħa ta’ Santa Marija meta ħafna jfittxu l-bajjiet tagħna biex imorru jgħumu.

Wara li dan is-sajf diġà kellna diversi rapporti ta’ drenaġġ ħiereġ fil-baħar, u avviżi dwar bajjiet li kellhom jingħalqu minħabba li l-baħar kien ikkontaminat u ma kienx tajjeb għall-għawm – b’waħda minnhom saħanistra spiċċat tingħalaq jumejn wara li suppost ingħatat l-istatus tal-Bandiera Blu – issa fl-aħħar jiem spikkaw rapporti dwar żjut u ħama li tfaċċa fil-baħar f’diversi lokalitajiet fosthom il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Buġibba, u anke Tas-Sliema.

Imma minkejja li l-Gvern għandu diżastru sħiħ fis-sistema tad-drenaġġ tant li tmien xhur ilu nstab ħati mill-Qorti Ewropea li qed jikser il-liġijiet Ewropej għax għadu qed jarmi d-drenaġġ mhux ittrattat jew parzjalment ittrattat fil-baħar tagħna, Robert Abela u sħabu ma tantx jidher li huma inkwetati, u issa marru jgawdu s-sajf waqt li qed iħallu lill-Maltin u lit-turisti jfittxu roqgħa baħar li mhux imniġġsa fejn ikunu jistgħu jgħumu.

Dan apparti l-problemi l-oħra kollha li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin u l-Għawdxin u li qed ikollhom impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll:

·            baħar imniġġes li ma jippermettix l-għawm f’diversi postijiet

·            toroq mimlijin traffiku minħabba żieda bla kontroll tal-popolazzjoni

·            ambjent u spazji miftuħa dejjem jonqsu, waqt li l-Gvern jipprova jbiddel il-liġijiet tal-ippjanar mingħajr konsultazzjoni

·            toroq u lokalitajiet mimlijin skart f’kull ħin tal-ġurnata minħabba li l-infrastruttura mhux tlaħħaq

Il-Partit Nazzjonalista jjitlob serjetà min-naħa tal-Gvern. Jekk verament għandu rispett lejn l-ambjent, lejn il-poplu Malti li jħallas it-taxxa biex jgħix f’pajjiż deċenti, u lejn it-turisti li jħallsu l-flus biex jiġu jżuruna, il-Gvern għandu jieħu ħsieb il-baħar u l-ambjent tagħna billi jqis li jkollna l-infrastruttura u l-infurzar neċessarju biex dan ikun garantit.