Futbol Sport

Valletta jirritornaw fil-Premier League b’draw bla gowls kontra Birkirkara

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

Il-President ta’ Birkirkara Michael Valenzia u l-President ta’ Valletta Claudio Grech ippreżentaw bukkett fjuri kull wieħed biex sellmu l-memorja tal-eks President ta’ Birkirkara Victor Zammit (Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

Neil Camenzuli

VALLETTA…………..0

BIRKIRKARA………0

Valletta: A.dos Santos, S.Borg, A.Ciolacu (J.De Assis 58’), B.Paiber (R.Muscat 86’), Y.Yankam, S.Brewer (Z.Cassar 75’), N.Micallef, Y.Messias (A.Zammit 86’), S.Radic, T.Aldama, J.Mendoza (J.Azzopardi 75’)

Birkirkara: M.Martinez, F.Garrone, M.Morello, L.Mina, K.Reid (J.Busuttil 79’), S.Dimech (N.Micallef 62’), K.Zammit, L.Lacunza, F.Sasere (G.Acheampong 62’), D.Makoma, L.Macula

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Mark Ciantar

Imwissija: .N.Micallef 56’, K.Zammit 64’ (V)

Birkirkara jibdew fuq sieq tajba, azzjoni perikoluża wara biss żewġ minuti. L-akkwist il-ġdid ta’ Valletta, Yannick Yankam jitlef il-ballun f’nofs il-grawnd bil-plejer ta’ Birkirkara Makoma jikseb il-pussess tal-ballun u jittanta xortih minn tarf il-kaxxa, bil-goalkeeper Belti dos Santos jilqa’ tajjeb.

Valletta jirrispondu fil-15-il minuta permezz ta’ kontrattakk li jispiċċa f’saqajn Ciolacu, madankollu l-attakkant Rumen ma jirnexxielux jikkonkludi fix-xibka b’xutt minn barra ‘l kaxxa.

Valletta b’ċans li jiftħu l-iskor għal darb’oħra għoxrin wara minuta, għal darb’oħra Andrei Ciolacu li din id-darba jgħolla għal daqqa ta’ ras minn korner pero l-attakkant ma jirnexxielux isib ix-xibka.

Valletta bl-aħħar azzjoni tal-partita tal-ewwel taqsima pero għal darb’oħra ma jirnexxielhomx jegħlbu lill-goalkeeper Martinez. Din id-darba inseriment tajjeb ta’ Mendoza mil-lemin bil-attakkant laterali jibqa’ javvanza fil-kaxxa u jixxuttja fil-baxx, pero l-ballun jgħaddi barra.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Valletta jkomplu jkunu l-aħjar tim anke fil-bidu tat-tieni taqsima meta fit-52 minuta l-akkwist il-ġdid Shaft Keith Brewer JR jolqot il-lasta ‘l wieqfa tal-lemin minn kross mil-lemin.

Birkirkara jirrispondu fis-67 minuta b’kross tajjeb ta’ Micallef li jasal għand Murillo li jipprova jixħet fix-xibka pero Radic ta’ Valletta jimblokka x-xutt fil-baxx.

Birkirkara bl-aħjar azzjoni tagħhom fit-82 minuta hekk kif Macula jaqbeż għal daqqa ta’ ras minn kross tajjeb mil-lemin, madankollu l-ballun jgħaddi verament ftit barra.

Is-sostitut Jan Busuttil jitħol tajjeb ħafna hekk kif seraq il-ballun minn Jake Azzopardi f’nofs il-grawnd u jibqa’ javvanza sa tarf il-kaxxa, bil-midfielder jittanta xortih pero l-veteran Steve Borg jimblokka tajjeb.

Il-partita ntemmet 0-0, ir-ritorn ta’ Valletta jkun wieħed pożittiv fejn wieħed jista’ jgħid il-Beltin kienu l-aħjar tim għal ħafna mumenti mill-partita, madankollu d-difiża ta’ Birkirkara tikkumbati b’saħħa l-bosta attakki ta’ Valletta u anke jattakkaw bil-kontrattakki veloċi.