Fil-ħajja reali d-diskors tal-budget mhux xi divertita, mhux frivoli qisek qed tara xi sensiela televiżiva. U d-dejn li qed ikompli jżid il-Gvern se jħallsuh ta’ warajna.
Sostna dan l-editur tal-gazzetta ta’ The Malta Independent wara li l-Prim Ministru ħabbar li l-budget li ġej se jkun – skont hu – l-aqwa fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-editur qal li din mhux l-ewwel darba li Abela tkellem b’diskors pompuż u grandjuż fuq il-budget – is-sena l-oħra kien saħaq li il-budget għall-2025 kien se jkun wieħed li jpoġġi l-ambjent u ċ-ċittadin fiċ-ċentru…..madanakollu l-editur fakkar kif fir-realtà dak li għamel Robert Abela mar kompletament l-oppost.
Dan hekk kif il-qerda ambjentali ssoktat bil-kbir taħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburista tul din is-sena – bl-editur jisħaq li t-tifsira ta’ governanza etika żgur mhux qiegħda fid-dizzjunarju tal-Labour.
Fl-editorjal intqal li din ma hija xejn ħlief narrattiva politika li se tiswa qares lill-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Dan hekk kif fl-aħħar 5 snin Robert Abela żied id-dejn tal-pajjiż għal €11-il biljun – aktar mid-doppju ta’ li kien meta tela’ fl-2020.
L-editur insista li dan id-dejn żdied għaliex prattikament iddeċieda li l-ġustizzja soċjali jdawwarha f’tixħim politiku – għall-ispejjeż tal-ġenerazzjonijiet futuri li jridu jħallsu d-dejn ta’ Robert Abela – biex l-istess Abela jżomm lill-elettorat kwiet.
Fl-editorjal intqal kif il-kont finali se jħallsuh uliedna u ulied uliedna b’Robert Abela jiġi jaqa u jqum mir-riperkussjonijiet ekonomiċi – basta jżomm il-poter akkost ta’ kollox.
L-editur saħaq li l-budget m’għandux ikun eżerċizzju ta’ showmanship qabel l-elezzjoni ġenerali – imma wieħed li juri li l-gvern verament qed jieħu ħsieb flus il-poplu u jonfoq bil-għaqal – mhux biss biex iżomm fis-sigur lill-elettorat preżenti, iżda anke lill-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>