Lokali

AĠĠORNATA: Raġel arrestat wara sparatura f’Raħal Ġdid; ebda persuna feruta

Raġel ta’ 33 sena minn Raħal Ġdid ġie miżmum mill-Pulizija wara sparatura li seħħet tard il-Ħadd filgħaxija f’Raħal Ġdid stess – kaz li ġara fi Triq Melita għall-ħabta tad-9:00pm.

Diversi sorsi qalulna li filwaqt li ħadd ma wegga’ fl-isparatura, grazzi għall-ħidma tal-Pulizija l-uffiċjali rnexxielhom joħorġu lir-raġel mir-residenza sabiex issa jinsab fil-lock-up. Dan wara li hu kien ingħalaq fid-dar tiegħu li tinsab fl-istess triq fejn seħħet l-isparatura.

Il-każ seħħ meta r-raġel kellu argument ma’ tlett irġiel oħra u allegatament spara tiri b’arma tan-nar. Filwaqt li sorsi oħrajn qed jindikaw li r-raġel li spara huwa magħruf mal-Pulizija, jidher li l-arma tan-nar instabet flimkien ma’ żewġ balal.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat Dr Monica Galea.