Sewwieq tal-mutur jinsab fil-periklu tal-mewt, wara li kellhu jittieħed l-Isptar, hekk kif kien involut f’ħabta bejn karozza u mutur.
Skont kelliema tal-Pulizija li tkellmu ma’ Net News, huma qalu li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-16:20 ta’ waranofsinhar fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.
Is-sewwieq tal-mutur, huwa Belġjan ta’ 53 sena residenti l-Gżira, filwaqt illi s-sewwieqa tal-karozza kienet mara ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Huwa kien qed isuq mutur tat-tip CF Moto, filwaqt li mara kienet qed isuq karozza tat-tip Toyota Aygo.
Intant, fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa s-sewwieq tal-mutur l-Isptar għall-aktar kura medika.
It-triq kienet magħluqa għat-traffiku mid-direzzjoni tas-Swieqi, fejn is-sewwieqa kienu avżati sabiex jużaw toroq alternativi.
Dwar dan il-każ ġiet infurmata Il-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
Għaldaqstant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.