Lokali

Żagħżugħ ta’ 16-il sena jinqabad mill-Pulizija isuq mutur mingħajr liċenzja

Il-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tal-LESA komplew iwettqu spezzjonijiet ta’ rutina fit-toroq, fejn ġew imħarrka numru ta’ sewwieqa b’rabta ma’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.

Matul l-ispezzjonijiet li saru l-Ħadd f’Tal-Barrani, iż-Żejtun, l-uffiċjali ħarġu 17-il taħrika lix-xufiera b’rabta ma’ irregolaritajiet diversi, filwaqt li 4 xufiera oħra ġew imħarrka wara li nstabu jsuqu bla liċenzja.

Fi stqarrija qalu li wieħed minn dawn ix-xufiera twaqqaf waqt li kien qed isuq mutur u nstab li għandu biss 16-il sena. Immedjatament, il-mutur ittieħed mill-Pulizija filwaqt li għaddejjin iżjed investigazzjonijiet b’rabta mal-każ.

Il-Pulizija temmiet bili appellat lejn is-sewwieqa biex josservaw ir-regoli tat-traffiku b’rispett lejn ħajjithom u ħajjet nies oħra fit-triq.

Dawn l-ispezzjonijiet ta’ rutina ser jibqgħu għaddejjin matul il-jiem u ġimgħat illi ġejjin.