Lokali

“Charles kien bniedem umli, paċifist u ta’ dedikazzjoni kbira”

“Bniedem umli, paċifist, kreattiv u ta’ rispett kbir”.

Kien dan il-mod li ġie deskritt Charles Stroud mill-ftit persuni fost il-ħafna li ħadmu mill-aktar viċin tiegħu matul ħajtu, b’mod speċjali fil-midja u fix-xena artistka, fosthom anke Hector Bruno.

Hector, li huwa magħruf fix-xena lokali għax-xogħol teatrali tiegħu u anke għas-sehem tiegħu fil-PN flimkien ma’ Charles għal aktar minn 50 sena.

Tkellem magħna wkoll John Bundy, xandar li ilu jaħdem ma’ Charles Stroud minn mindu kellu biss 10 snin.

Minn naħa tagħha Jackie Bartolo li ukoll għamlet numru ta’ produzzjonijiet flimkien ma’ Stroud li ddeskriviet lil Charles bħala bniedem li kien dejjem jisma’ u jikkunsidra lil kulħadd.

Ma’ NetNews tkellmet ukoll Mariaelena Tanti Gregoraci li ħadmet propju ma’ Charles fl-aħħar proġett tiegħu ‘Ulied il-Lejl’ u li ddeskriviet lil Charles bħala raġel kbir li dejjem kien jemmen u jafda lil dawk ta’ madwaru.

Charles Stroud, li kien wieħed mill-pilastri fit-twaqqif ta’ Net Television miet is-Sibt 16 ta’ Awwissu u hu kellu 75 sena.

Stroud twieled f’Ħal Tarxien fis-27 ta’ Ġunju tal-1950, u kien ilu involut fid-dinja tat-teatru minn età bikrija.

Charles beda l-karriera tiegħu fir-reċtar, fil-produzzjoni u aspetti oħra fix-xena tat-teatru fuq bażi volontarja. Huwa speċjalizza fil-mima u fit-teatru modern ma’ bosta gruppi esperimentali fis-sittinijiet, fejn idderieġa diversi xogħlijiet li kienu jvarjaw minn teatru fit-triq sa produzzjonijiet fit-Teatru Manoel.

Fis-sena 1982 Stroud kien ġie mpjegat mal-Partit Nazzjonalista u kien involut fit-twaqqif tad-dipartiment tal-preżentazzjonijiet awdjo-viżivi tal-Partit Nazzjonalista.