Hekk kif fl-Ewropa u anke fil-bqija tal-kontinenti l-oħra, qed jingħata bidu għal staġun ġdid ta’ futbol 2025/26, diversi plejers Malti, uħud minnhom li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti tal-kowċ Emilio De Leo, matul din it-tmiem il-ġimgħa kienu fl-azzjoni u uħud minnhom kienu saħansitra protagonist fir-rebħiet tat-timijiet rispettivi tagħhom.
L-akbar protagonista kien il-winger offensiv tat-tim nazzjonali Malti, Trent Buhagiar. Minn dan l-istaġun, il-Malti-Awstraljan qed jilgħab f’Singapor, ma’ wieħed mill-klabbs ewlenin ta’ dan il-pajjiż fix-Xlokk Asjatiku, Tampines Rovers.
Qabel il-bidu tal-Premier League, il-bieraħ l-istaġun tal-futbol f’Singapor beda’ bil-finali tal-Community Shield bejn Lion City Sailors u Tampines Rovers. L-iskwadra ta’ Buhagiar kienu dominati fil-ġurnata u rebħu l-ewwel trofew tal-istaġun 2025/26, bil-plejer ta’ 27 sena kien l-akbar protagonista ta’ Tampines Rovers fir-rebħa ta’ 4-1.
Għal Buhagiar din kienet l-ewwel logħba tiegħu mat-tim il-ġdid tiegħu f’Singapor u fil-finali tal-Community Shield, l-internazzjonali Malti skorja tnejn mill-erba’ gowls ta’ Tampines Rovers biex kellu sehem importanti sabiex it-tim taħt il-gwida teknika ta’ Gavin Lee ċċelebra r-rebħ tal-ewwel unur tal-istaġun għall-ispejjez ta’ Lion City Sailors.

Trent Buhagiar jiċċelebra wieħed miż-żewġ gowls li skorja fil-finali tal-Community Shield ta’ Singapor
Buhagiar kien ilu nieqes mill-gowls minn kemm ilu li ħalla l-A-League Awstraljan fil-bidu tal-istaġun li għadda, 2024/25. Minn ma’ Newcastle Jets, Buhagiar kien issieħeb lil Brescia fl-Italja u f’Jannar li għadda ffirma ma’ FC Kapaz fl-Ażerbajġan madankollu l-esperjenza tal-Malti, li sal-lum lagħab tliet darbiet mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżna, ftit li xejn kienet waħda pożittiva tant li Buhagiar qatt ma rrnexxilhu jiskorja ma’ dawn iż-żewġ klabbs.
Fi Franza, f’Ligue 2, kompla l-mument pożittiv tal-internazzjonali Malti, Teddy Teuma ma’ Stade de Reims. F’match day 2 tat-tieni diviżjoni tal-Kampjonat Franċiz, Stade de Reims irreġistraw l-ewwel rebħa f’Ligue 2, meta għelbu lil Guingamp 1-0 u Teuma kien protagonista.
Il-gowl li deċiżiv li permezz tiegħu Stade de Reims rebħu t-tliet punti, wasal wara għaxar minuti logħob b’konklużżjoni ta’ Thiemoko Diarra minn assist perfett ta’ Teuma li qabbeż il-ballun minn fuq id-difiża avversarja u għamilha faċli għal Diarra biex jiskorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.
Matul tmiem il-ġimgħa kien hemm aktar Maltin li qed jilgħabu lilhinn minn xtutna fl-azzjoni, inkluż il-Franċiz ta’ dixxindenza Maltija, li iżda għad m’għandux passaport Malti, l-attakkant Irvin Cardona. L-attakkant ta’ 28 sena li jilgħab ma’ Saint-Étienne, fl-istess Kampjonat Franċiz ta’ Teuma, preżentament għandu valur fis-suq ta’ żewġ mijuni u nofs ewro u l-bieraħ, skorja wieħed mill-gowls ta’ Saint-Étienne fir-rebħa ta’ 4-0 kontra Rodez AF. Wara match day 2 ta’ Ligue 2 fi Franza, għal Cardona, li għadu biċ-ċans li jista’ jilgħab għal Malta, dan kien it-tieni gowl tiegħu f’dan l-istaġun il-ġdid.
//= $special ?>