Internazzjonali

Eżodu kontinwu — u sfurzat — ta’ Palestinjani mill-Belt ta’ Gaza

Eluf ta’ Palestinjani, fl-aħħar sigħat, ħarbu mid-distrett ta’ Zeitoun, fil-Belt ta’ Gaza, wara li l-bumbardamenti kontinwi mill-miliitar Iżraeljan ħolqu sitwazzjoni katastrofika għar-residenti.

Fl-aħħar sigħat ukoll kienu konfermati l-qtil ta’ mill-anqas 60 Palestinjan waqt l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fil-Belt ta’ Gaza u l-madwar…Inħawi fejn is-sitwazzjoni umanitarja qed issir aktar imwiegħra.

Il-kelliema għall-Armata Iżraeljana, issa, qalu l-militar mill-ġdid se jibda jippermetti għar-rilokazzjoni tat-tined f’Gaza bħala forom ta’ kenn għar-refuġjati…Ħidma li se jieħdu ħsiebha l-aġenziji tal-għajnuna u meta Iżrael qed jippjana r-r-rilokazzjoni sfurzata ta’ miljun Palestinjan, attwalment residenti fil-Belt ta’ Gaza,  lejn il-kampijiet imbiegħedin.

Fi żviluppi oħra, f’Iżrael, numru sinifikanti ta’ nies ħadu sehem fi strajk ta’ jum, fuq bażi nazzjonali, bħala protesta kontra l-pjan tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu biex jaħtaf il-Belt ta’ Gaza.

Fost id-dimostranti kien hemm il-familji tal-ostaġġi li qed jinżammu mit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza u li qed jinsistu li t-tkomplija tal-gwerra għandha iżżid l-element ta’ periklu għal dawn l-ostaġġi.

L-aħħar żviluppi qed isiru ġimgħa wara li l-Kabinett tal-Gwerra Iżraeljan ivvota biex jokkupa l-Belt ta’ Gaza, li hi l-akbar belt fil-Medda ta’ Gaza…Fażi importanti tal-pjan tinkludi t-tkeċċija tal-popolazzjoni mill-inħawi bħala pass li kien ikkundannat bla riservi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Iżraeljani, fl-istess ħin, qed jinsistu dwar il-ħtieġa li jmexxu l-għexieren tal-eluf  tal-Palestinjani miz-zoni tal-kumbattimenti lejn l-inħawi ta’ Gaza lejn in-nofsinar.Huma qalu li dan qed isir fl-interessi tas-sigurtà tal-familji Palestinjani.

Fil-fatt, fl-aħħar sigħat irrankat id-deportazzjoni tar-residenti minn Zeitoun wara jiem konsekuttivi ta’ rejds mill-ajru, bumbardamenti bl-artillerija u kampanja ta’ demolizzjoni tal-bini li qed imexxi l-militar Iżraeljan.

Fl-inħawi ta’ Zeitoun, sa ftit ilu, kienu qed jgħixu madwar 50,000 Palestinjan, li l-maġġoranza tagħhom ma kellhomx aċċess għall-ikel u l-ilma.

Dan meta l-Ħamas, permezz ta’ stqarrija, qal li l-Iżraeljani qegħdin isostnu offensiva fuq diversi neighbourhoods fil-Belt ta’ Gaza u meta l-inħawi ta’ Zeitoun saru mira prinċipali għall-Armata.

Il-Gvern Iżraeljan, intant, mhux  jiffissa program preċiż għal meta l-massa tal-qawwiet Iżraaeljani għandhom jidħlu fil-Belt ta’ Gaza…. Madankollu, il-Prim Ministru Netanyahu hu rappurtat li jrid li din il-belt tispiċċa kompletament taħt l-okkupazzjoni ta’ Iżrael sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.