Pajjiżna miexi inkoxjament fi stat fejn l-istituzzjonijiet pubbliċi jservu l-interessi tal-privat, fejn l-għassa u s-salvagwardji huma biss illużjoni u li dawk li suppost jieħdu ħsieb huma immuni għal kollox – għax hekk iridu.
Dan intqal fl-editorjal tas-Sunday Times of Malta fejn qabel xejn xeħet lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar f’dawl xejn sabiħ – b’Johann Buttigieg deskritt bħala wieħed li darba kien approva madwar €8,750 għal jet privat sabiex membru tal-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista’ tinġieb mill-vaganza li kienet qed tqatta’ fi Sqallija u tinżel Malta tivvota għal proġett fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Oħroġ il-għaġeb ivvotat favur….u marret lura Sqallija – kollox imħallas mit-taxxi tal-poplu.
L-istess Buttigieg kien nqabad ukoll jibgħat il-messaġġi lin-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech – dwar deals kummerċjali. Dak iż-żmien Buttigieg kien tneħħa minn din il-kariga…fejn imbgħad tqiegħed CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bl-editur jisħaq li anke hemm tqajmu s-suspetti – hekk kif kien ta kuntratt ta’ konsulenza ta’ aktar minn €240,000 lill-eks Ministru Konrad Mizzi – b’ordni tal-issa eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Issa reġa’ tqiegħed fit-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar bl-editur tat-Times jisħaq li l-abbozzi li jrid idaħħal Robert Abela se jkunu qed jagħtu setgħa lil Buttigieg aktar minn qatt qabel – raġel li tul is-snin, skont it-Times, wera li lest jikser ir-regoli skont l-interessi ta’ dawk l-aktar b’saħħithom.
L-editur sostna li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf x’inhu jiġri filwaqt li staqsa jekk Buttigieg kellux laqgħat ma’ xi żviluppaturi biex iddiskutew l-abbozzi 143 u 144.
Fl-editorjal issemma’ kif f’Lulju l-Gvern għadda liġi fejn issa qed jagħti immunità sħiħa lil uffiċjali pubbliċi – bl-istat ikollu jerfa’ responsabbiltà. Dan ifisser li f’każ ta’ negliġenza jew abbuż ta’ poter, l-individwu ma jistax jitressaq il-Qorti.
Dan kollu ġie deskritt mhux bħala governanza ħażina imma governanza perikoluża – bil-pajjiż miexi f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini qed jingħataw ‘il ġenb, waqt li jħallsu mit-taxxi – u dawk l-aktar b’saħħtihom…jirbħu dejjem.
Għalhekk l-editur tenna li dawn l-abbozzi jridu jitwaqfu u Buttigieg għandu jitneħħa mill-pożizzjoni li għandu – bis-sistema ta’ impunità għandha titwaqqaf la darba ma rridux d-demokrazija tkompli titnawwar.
//= $special ?>